Jikkonferma li sab kull appoġġ mill-Ministru Edward Scicluna – One News

Notifiki

Jikkonferma li sab kull appoġġ mill-Ministru Edward Scicluna


L-eks Direttur tal-Aġenzija Maltija Kontra l-Ħasil tal-Flus, Manfred Galdes qal li sab kull appoġġ mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna tul iż-żmien li għamel imexxi l-FIAU.

Sostna dan meta t-Tnejn waranofsinhar issuktat l-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dr Galdes għamel din id-dikjarazzjoni għal mistoqsija li saret mill-Avukat tal-familja Caruana Galizia u Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Huwa staqsa lil Galdes jekk sabx l-appoġġ li kien jistenna mill-ministru fid-dawl tal-esperjenza, l-għaqal u l-kwalifiki tiegħu.

Dr Galdes spjega li huwa kien ilu tmien snin imexxi l-FIAU qabel ma rreżenja f’Lulju tal-2016. Spjega li kien iltaqa’ mal-Avukat Ġenerali u infurmah li ried iħalli l-kariga li min-naħa tiegħu qallu biex imorru flimkien għand is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Finanzi.

Hemmhekk kemm is-Segretarju Permanenti kif ukoll ic-chairman tal-Awtorita Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ppruvaw jikkonvinċu lil Galdes sabiex jibqa’ iżda rrifjuta.

Dr Galdes kompla jgħid li tul iż-żmien li dam imexxi l-aġenzija kien hemm kwistjoni ta’ nuqqas ta’ nies. Innota li f’ċertu istanzi ħaddiema tal-FIAU u ħaddiema tal-MFSA kienu jagħmlu xogħol simili ta’ analiżi u investigazzjoni, iżda l-ħaddiema tal-MFSA kellhom pakketti finanzjarji aħjar.

Spjega li l-FIAU kellha tikkompeti mhux biss mas-settur privat iżda anke ma’ entitajiet tal-Gvern. Huwa nnota iżda li wara li ħalla l-FIAU l-fondi allokati għall-aġenzija żdiedu b’madwar għaxar darbiet.

Matul ix-xhieda tiegħu Galdes ikkonferma wkoll li qatt ma ħalla jew ittollera li xi ħadd jinfluwenza l-operat tal-FIAU.

Mistoqsi dwar l-operat tal-FIAU, Galdes sostna li fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, kull meta kien ikun hemm xi transazzjoni li hemm suspett ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjar ta’ terroriżmu dwarha l-FIAU kellu jkun infurmat biex minn hemm tiskatta investigazzjoni.

Is-seduta kompliet bix-xhieda tad-direttur preżenti Kenneth Farrugia bil-bibien magħluqa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend