Il-PM Robert Abela qed juri serjetà – Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji – One News

Il-PM Robert Abela qed juri serjetà – Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji


Il-Kamra tan-Negozji żgħar u Medji laqgħet l-ewwel deċiżjonijiet li beda jieħu l-Prim Ministru Robert Abela fl-ewwel ġimgħa tiegħu fit-tmexxija tal-pajjiż.

Il-President tal-kamra Paul Abela saħaq li bit-tmexxija l-ġdida l-agħar jidher li għadda u fi ftit jiem diġà kien hemm sinjali mill-Prim Ministru li jrid isewwi u jgħaddi sinjali ta’ serjetà.

Huwa stqarr: “Li qed jagħmel qed jawgura tajjeb li l-pajjiż nerġgħu nġibuh fejn konna ftit tal-ġimgħat ilu u aħna bl-għajnuna tagħna u bl-għajnuna ta’ kulħadd in-negozju jerġa’ jaqbad ritmu li kellna qabel. Aħna persważi li taħt il-PM Robert Abela l-għan li għandna għall-quddiem se jagħmilha.”

Is-Sur Abela saħaq li l-futur ta’ pajjiżna jinsab f’idejn il-Prim Ministru l-ġdid.

Huwa qal dan waqt it-tnedija ta’ identità ġdida għal dik li sa ftit ilu kienet magħrufa bħala l-GRTU.

Fl-ewwel impenn uffiċjali tal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi mindu ngħataw il-ġurament tal-ħatra, intqal li din il-bidla qed issir sforz l-iżvilupp taż-żminijiet.

Wara 70 sena, l-isem il-ġdid ta’ Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji qed tirrifletti r-realtajiet tan-negozji llum.

Fil-fatt is-Sur Abela saħaq li n-negozji żgħar u medji llum jiffurmaw 98% tan-negozji kollha Maltin u Għawdxin. Bil-kamra tirrappreżenta iktar minn 7,000 negozju.

Il-Ministru Schembri appella lill-Kamra biex fi spirtu ta’ koperazzjoni tkompli tagħti kritika kostruttuiva lill-Gvern. Saħaq li l-għan ewlieni fil-ħidma tal-Gvern hi li jinstema’ ż-żgħir.

Il-Ministru Schembri sostna: “Ħafna mill-ideat it-tajbin ħafna drabi ma jiġux mill-politiċi iżda min-nies allura dan il-metodu ħa nibqa’ nimplimentah. Fil-jiem li ġejjin fil-fatt ħa nkun b’mod fiżiku nżur jiena wkoll lin-negozji ż-żgħar ħa naraw kif ħa ntejbu l-andament ekonomiku.”

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi appella biex l-assoċjazzjoni tkun fuq quddiem nett li tispjega lill-membri tagħha l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu fuq livell ewropew fosthom is-suq diġitali u l-liġi ambjentali l-ġdida.

Faħħar lill-kamra talli għamlet użu minn fondi ewropej sabiex tagħmel it-tibdil li ħabbret u spjega li l-fondi li qed jinnegozja pajjiżna għall-baġit Ewropew li jmiss se jżommu fuq quddiem is-setturi kollha tal-pajjiż.

L-Onor. Zrinzo Azzopardi fisser: “Aħna rridu nkunu lesti li nisimgħu lil kull qasam u kull settur sabiex naraw ukoll li f’dak kollu li nfasslu jkollna l-aħjar deal possibbli u l-fondi jintużaw bl-aħjar mod possibbli biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend