Id-deċiżjonijiet tal-PM jawguraw tajjeb għall-futur – Il-Kamra tal-Kummerċ – One News

Id-deċiżjonijiet tal-PM jawguraw tajjeb għall-futur – Il-Kamra tal-Kummerċ


Il-Kamra tal-Kummerċ u l-intrapriża laqgħet id-deċiżjonijiet li qiegħed jieħu l-Prim Ministru Robert Abela fejn fissrithom bħala arja friska u li tawgura tajjeb għall-futur.

Fi stqarrija, il-Kamra nnotat li l-Prim Ministru qiegħed jattwa diversi rakkomandazzjoniijet li għamlitlu l-ġimgħa l-oħra f’laqgħa li kellha ma’ Dr Abela, fosthom il-ħolqien ta’ portafoll għall-governanza kif ukoll kumitat tal-kabinett dwar l-istess suġġett. Qal li l-azzjonijiet konkreti li ttieħdu fl-aħħar jiem jirriflettu l-istqarrija tal-Prim ministru li l-Gvern tiegħu u l-kamra jinsabu fuq l-istess binarju dwar din il-prijorità importanti għall-pajjiżna.

Qalet li tinsab sodisfatta li s-suġġett tal-governanza t-tajba qiegħed jingħata l-attenzjoni li jistħoqqlu mill-kabinett.

Innotat ukoll li r-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru għall-Għawdex sigħat biss wara li ħarġu allegazzjonijiet dwar żewġha. Qalet li dan jibgħat sinjal b’saħħtu ta’ tolleranza żero lejn kull imġiba li tista’ ma tkunx ta’ livell mixtieq. Saħqet li l-mexxejja tal-pajjiż għandhom jinżamm kontabbli ta’ għemilhom u l-azzjoni b’saħħitha li ħa l-Prim Ministru Abela f’dan ir-rigward intlaqgħet tajjeb ħafna.

Il-kamra tal-kummerċ laqgħet ukoll id-dikjarazzjoni tal-Ministru Aaron Farrugia li jippubblika reġistru tal-laqgħat kollha li jkollu ma’ dawk kollha involuti fis-settur. Qalet li dan jippromwovi t-trasparenza u l-governanza t-tajba u ċertament hija d-direzzjoni li l-amministrazzjoni tal-pajjiż triq tħares lejha.

Bl-istess mod laqgħet id-dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri li kull allegazzjoni għandha tiġi investigata.

Waqt li laqgħet dawn il-miżuri, awgurat li dawn l-inizjattivi ta’ min ifaħħarhom ma jibqgħux prerogattiva ta’ ministri individwali, iżda għandhom jinfirxu mal-amministrazzjoni kollha.

Waqt li esprimiet livell ta’ ottimiżmu kawt għax qalet li hemm bosta rakkomandazzjonijiet li l-Gvern jeħtieġ li jieħu, mandankollu qalet li ċertament id-deċiżjonijiet li ttieħdu diġà jawguraw tajjeb għall-futur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend