Eks MP tal-PN u ditta ta’ avukati marbuta mal-iskandlu fl-Angola – One News

Notifiki

Eks MP tal-PN u ditta ta’ avukati marbuta mal-iskandlu fl-Angola

Minn tal-inqas għaxar kumpaniji f’Malta ġew identifikati li kienu użati minn Isabel dos Santos, bint l-eks President tal-Angola sabiex jixorbu flejjes minn kumpaniji statali fil-pajjiż.

Dan joħroġ minn investigazzjoni internazzjonali dwar l-assi ta’ dos Santos u li qed tkun irraportata bi prominenza fil-midja barranija.

Fl-investigazzjoni jkompli joħroġ l-involviment tal-eks deputat Nazzjonalista Noel Buttigieg Scicluna fl-istrutturi li ħolqot dos Santos f’pajjiżna. Fil-fatt ħareġ li Buttigieg Scicluna huwa amministratur tal-kumpanija Wise Intelligence Solutions Limited.

Din il-kumpanija nħolqot fl-2010 taħt Gvern Nazzjonalista, minn Ganado Advocates, ditta legali li fl-aħħar xhur kienet qed tkun fuq quddiem nett tal-protesti organizzati minn Manuel Delia u Occupy Justice.

Il-kumpanija nħolqot uffiċjalment biex tgħin lill-kumpanija Nazzjonali taż-żejt tal-Angola tqum fuq saqajha, u ngħatat kuntratt ta’ €8,500,000 biex tagħmel dan.

Il-kumpanija statali taż-żejt għal xi żmien kienet immexxija minn dos Santos innifisha.

Madanakollu jidher li l-vera għan wara t-twaqqif ta’ Wise Intelligence Solutions Limited kienet sabiex tixrob il-flus mill-kumpanija statali taż-żejt u jidħlu f’but dos Santos u r-raġel tagħha.

Jidher li Ganado Advocates kienet obbligata li tirrapporta l-attivitajiet suspettużi tal-kumpanija lill-FIAU. Iżda skont emails illikjati jidher li d-ditta legali kienet beżgħana li tgħaddi minn xi tip ta’ investigazzjoni.

Mitlub jikkumenta minn gazzetta lokali, Buttigieg Scicluna qal li ma jistax jikkummenta u li ma kienx konxju tal-allegazzjonijiet li kienu qegħdin isiru.

Noel Buttigieg Scicluna huwa wkoll direttur ta’ kumpanija oħra ta’ dos Santos f’Malta, Victoria Holding, li kienet użata mill-biljunarja sabiex tkun akkwistata kumpanija fl-Iżvizzera.

Dan filwaqt li dos Santos akkwistat kumpanija Portugiża permezz tal-kumpanija Winterfell, ukoll ibbażata f’Malta. Għal darb’oħra hawnhekk, l-eks deputat Nazzjonalista Noel Buttigieg Scicluna jidher bħala direttur ta’ din il-kumpanija.

Minbarra li kien deputat Nazzjonalista, tul is-snin ta’ gvernijiet Nazzjonalisti Buttgieg Scicluna serva bħala ambaxxatur kif ukoll kien membru ta’ numru kbir ta’ bordijiet tal-Gvern. Fil-fatt fuq medda ta’ ftit aktar minn għaxar snin biss Buttigieg Scicluna tħallas mat-€850,000.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend