Fl-agħar xahar minħabba tensjonijiet internazzjonali, il-prezz taż-żejt reġa’ għola sostanzjalment tant li kien hemm mumenti li laħaq il-livell ta’ $69 il-barmil. B’kuntrast, f’Lulju tal-2019 il-prezz taż-żejt kien naqas taħt il-livell ta’ $55 il-barmil.
F’dan il-kuntest, madwar l-Unjoni Ewropea, il-prezz tal-petrol u d-diesel għollew fl-aħħar xahar, b’medja ta’ 2 ċenteżmi u 3.2 ċenteżmi rispettivament. B’kuntrast, f’Malta l-prezzijiet baqgħu stabbli. Pajjiżna fil-fatt kien l-uniku pajjiż fejn dan seħħ. F’25 pajjiż ieħor kien hemm żieda jew fil-prezz tal-petrol jew f’dak tad-diesel, jew saħansitra fit-tnejn li huma. It-tnaqqis irrapportat għar-Renju Unit jirrifletti tisħiħ fil-munita Ingliża kontra l-ewro, mhux roħs fil-prezz f’termini tal-munita Ingliża (u allura ma nħassx mill-konsumaturi Ingliżi). It-tnaqqis fir-Rumanija kien dovut għal tnaqqis fit-taxxi fuq il-fuel, li sar minħabba taqlib politiku f’dan il-pajjiż.
Madwar l-UE x-xahar li għadda fisser piżijiet akbar fuq il-konsumaturi. L-agħar li marru kienu l-konsumaturi tad-diesel fil-Lussemburgu li raw żieda ta’ aktar minn 9 ċenteżmi. Fejn jidħol il-prezz tal-petrol, l-agħar li marru kienu l-konsumaturi fil-Latvja b’żieda ta’ kważi 7 ċenteżmi. F’seba’ pajjiżi tal-UE matul dan ix-xahar kien hemm żieda fil-prezz tal-petrol jew id-diesel ta’ kważi 5 ċenteżmi jew aktar.
Din il-ġimgħa l-prezz tal-petrol bħala medja madwar l-UE kien €1.44, jew 3 ċenteżmi aktar minn Malta. L-ogħla prezz tal-petrol kien €1.71 fl-Olanda, jew 30 ċenteżmu aktar minn pajjiżna. Fir-rigward tad-diesel, il-prezz fl-UE kien €1.38, jew 10 ċenteżmi aktar minn Malta. L-ogħla prezz tad-diesel jinstab €1.59 fl-Iżvezja, jew 31 ċenteżmu aktar minn pajjiżna.
Il-konsumatur f’pajjiżna ma gawdiex sempliċiment matul l-aħħar xahar grazzi għall-politika enerġetika tal-Gvern.
Mill-ewwel xahar sħiħ taħt Gvern Laburista fl-2013 f’Malta l-prezz tal-petrol u d-diesel naqas b’7% u 9% rispettivament. Fl-UE, it-tnaqqis fil-petrol kien simili (8%) filwaqt li dak fil-prezz tad-diesel (2%) kien ferm anqas minn dak f’Malta. B’kuntrast, tul l-amministrazzjoni ta’ qabel il-bidla fil-Gvern, il-petrol kien għola b’36% u d-diesel b’35%. Dan meta li fl-UE tul l-istess żmien iż-żieda kienet ta’ 21% fil-petrol u ta’ 17% fid-diesel.
Filwaqt li Gvern Laburista raħħas il-prezzijiet tal-fuel aktar milli naqsu fl-UE, il-Gvern ta’ qabel kien impona żieda kważi d-doppju ta’ dik fl-Ewropa. Dan juri biċ-ċar li l-politika fejn il-prezzijiet f’pajjiżna joqogħdu jixxejru mal-prezz internazzjonali – jiġifieri l-politika li kien jipproponi Dr Simon Busuttil u li issa addottaha Dr Adrian Delia – kienet twassal għal instabbilità u piżijiet akbar għall-familji tagħna.