L-ewwel attivitajiet politiċi bħala Prim Ministru f’dan it-tmiem il-ġimgħa – One News

Notifiki

L-ewwel attivitajiet politiċi bħala Prim Ministru f’dan it-tmiem il-ġimgħa

Is-Sibt, fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista se jkun qiegħed fost l-Għawdxin, jiltaqa’ magħha fit-Tokk fir-Rabat, bħala parti mill-ewwel attivitajiet tiegħu bħala Prim Ministru u Mexxej Laburista.

Il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef sostna li dawn l-attivitajiet huma miftuħa għal kulħadd sabiex jingħaqdu wara l-Partit Laburista u jagħtu merħba lill-Prim Ministru ġdid ta’ Malta, Robert Abela.

“Inħeġġeġ lill-Għawdxin kollha biex ikunu hemmhekk sabiex jagħtu merħba sabiħa lil Prim Ministru ġdid ta’ Malta u fl-10.30 ukoll imbagħad il-Ħadd attività kbira ħafna fejn ħa nsejħu, qed insejħu lil kulħadd”

Il-Ħadd, Robert Abela se jindirizza l-ewwel attività politika tiegħu bħala Prim Ministru u Mexxej Laburista fix-xatt ta’ Bormla.

“Hemmhekk il-Prim Ministru ħa jkun qed jagħmel l-ewwel diskors politiku tiegħu minn meta propju ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru u nħeġġeġ lil Maltin u Għawdxin kollha sabiex jingħaqdu magħna f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-bidu ta’ vjaġġ ġdid għall-pajjiż u għall-Partit Laburista.”

Intant, il-Ġimgħa waranofsinhar, il-Prim Ministru żar lill-ħaddiema tal-istazzjonijiet ONE li kienu qegħdin jiċċelebraw l-aħħar riżultati tal-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir li wera li għall-ewwel darba it-telespettaturi ta’ ONE jagħmlu aktar ħin isegwu dan l-istazzjon minn kull stazzjon ieħor f’pajjiżna.

Fid-diskors tiegħu huwa radd ħajr lill-ħaddiema kollha filwaqt li sostna l-importanza tal-istazzjonijiet politiċi u qal li kull stazzjon għandu rwol importanti. Il-Prim Ministru tenna l-impenn tiegħu li jibqa’ f’kuntatt mal-ħaddiema tal-istazzjon u qal li huwa jinsab kburi b’kull ħaddiem.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ ONE Jason Micallef laqa’ l-aħħar riżultati tal-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir u qal li dan l-istazzjon qiegħed hawn biex jibqa’. Qal li dawn l-istazzjonijiet dejjem ta servizz lill-Partit Laburista kemm fil-bnazzi u kemm fil-maltemp u sostna li l-akbar sfida tibqa’ li nibqgħu mmexxu dawn is-suċċessi.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend