L-Avukat veteran Joe Brincat sostna li l-Kabinett il-ġdid magħżul mill-Prim Ministru Robert Abela juri li se jkompli mixi ’l quddiem bl-istess ritmu qawwi li mxew il-ministri u s-segretarji parlamentari fil-kabinett ta’ Joseph Muscat.
F’intervista ma’ ONE NEWS dwar il-ħatra ta’ kabinett ġdid, Dr Brincat laqa’ d-deċiżjoni tad-deputat Prim Ministru Chris Fearne li ġie kkonfermat fil-kariga.
“Waħda mill-affarijiet li ħadt gost biha enormement għax baghtet messagg li għalqet ħafna ħluq li Chris Fearne ministru tas-saħħa aċċetta u qiegħed hemmhekk u konfermat u din torbotha mal-wegħda li għamel Robert Abela li se jaħdem ma’ Chris Fearne u se jaħdem ma’ kulħadd.”
Huwa laqgħa wkoll id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Abela li jinkludi bosta wċuħ ġodda fil-kabinett flimkien ma’ oħrajn ta’ esperjenza.
“U li Karmenu Abela spiċċa Kastilja qrib il-Prim Ministru jiena għalija huwa sinjal kemm il-Prim Ministru irid l-affarijiet jsiru skont valuri sodi, serjetà, għaqal u li mhux ser iħalli bl-ebda mod li jaħarbu minn taħt għajnejh ċertu affarijiet u din hija xi ħaġa li jien persważ li l-Laburisti jixtiequ.”
Dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jappunta fl-eżekuttiv lit-tliet nisa fil-grupp parlamentari Laburista, l-Avukat Brincat qal li din hija riflessjoni tal-fiduċja li għandu l-Partit Laburista fin-nisa.
“Meta tara l-importanza li ngħatat lin-nisa wkoll fil-kabinett wieħed jgħid isma dak li kien konna nitkellmu fuqu gender equality u l-opportunitajiet. Meta jkun hemm l-opportunitajiet u n-nisa jaħtfuhom mhux se jaqgħu lura meta jkun hemm gvern Laburista.”
Huwa żied jgħid li Robert Abela mhux juri biss stil ta’ tmexxija, iżda li hu bniedem li l-affarijiet qed jagħmilhom bis-serjetà u li meta jidħol għal biċċa xogħol jagħmilha għax ikun hemm fiha.
“U għalhekk Robert qed jagħti ċerta garanzija anke bl-attitudni, bil-mod sempliċi, bil-mod li l-messaġġ iwasslu bi tbissima li l-Partit Laburista u pajjiżna għandhom futur għal quddiem.”
Dr Brincat żied jgħid li l-għażla tal-membri tal-kabinett tiegħu turi li mhux biss qed iħares għas-sentejn u nofs li ġejjin, iżda tmur ferm lil hinn minn hekk.
“Il-kabinett magħżul u l-messaġġ illi għaddej jidher illi dik il-maġġoranza qegħda hemm u trid terġa tiġi rikonfermata imma dak mhux għal dawn is-sentejn u nofs. Il-maġġoranza lesta. Għal ħames snin li ġejjin.”