Il-Gvern jaċċetta r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija – One News

Notifiki

Il-Gvern jaċċetta r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern laqa’ r-riżenja ta’ Lawrence Cutajar minn Kummissarju tal-Pulizija u beda proċess biex jinħatar kummissarju tal-pulizija b’metodu ġdid u trasparenti li se jwassal għal aktar skrutinju fl-għażla ta’ din il-kariga importanti fil-korp tal-pulizija.

“Se nressaq fil-laqgha tal-kabinett li jmiss tat-Tlieta li ġej proposta dwar il-metodu ġdid tal-għazla li huwa xieraq għaż-żminijiet tal-lum”

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru qal li fid-dawl ta’ din ir-riżenja, id-Deputat Kummissarju Carmelo Magri li huwa wkoll l-aktar uffiċjal anzjan fil-Korp tal-Pulizija nħatar b’mod temportanju Aġent Kummissarju tal-Pulizija.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri, Dr Abela għamel referenza għall-ittra ta’ riżenja tas-Sur Cutajar u tah ħajr għas-sens ta’ rġulija u għar-riżultati pożittivi li kiseb il-korp taħt it-tmexxija tiegħu fl-aħħar snin.

Fl-ittra tiegħu, is-Sur Cutajar qal li l-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid titlob bidliet bil-għan li tkun tista’ titwettaq ir-riforma mixtieqa fil-korp tal-pulizija. Dr Abela qal li qiegħed jara opportunità lejn il-bidu ta’ riforma fil-korp tal-pulizija li tkompli ssaħħu b’mod partikolari fil-qasam tal-inforzar.

“Korp għamel xoghol tajjeb ħafna – riforma ma jfissirx li ma sarx xogħol tajjeb anzi bil-kontra. Jien sodisfatt ħafna bix-xogħol investigattiv li sar mill-korp, mill-prosekuzzjoni mhux biss f’każ wieħed iżda f’ħafna każijiet. Ir-riforma tfisser li għandna proċess naturali li mal-medda taż-żmien dejjem trid tagħmlu għax jekk ma tbiddilx tissogra li tistagħġna”

Il-Prim Ministru semma li fl-assassinju tas-Sinjura Caruana Galizia, il-Pulizija investigaw u arrestaw fi żmien qasir lil dawk li allegatament kellhom x’jaqsmu mad-delitt u nħarġu l-akkużi u tressqu erba’ persuni l-qorti.

Qal li l-Pulizija Maltija ħadmet b’mod professjonali mal-Federal Bureau of Investigation l-FBI u l-Europol biex tat riżultat effettiv u għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.

Mistoqsi dwar il-kariga tal-Avukat Ġenerali, Dr Abela qal li m’hemm ebda raġuni għaliex għandu jirriżenja.

“Jiena sal-lum għamilt evalwazzjoni tal-ħidma tal-Avukat Ġenerali u ma nara li teżisti ebda waħda mir-raġunijiet li ssemmi l-kostituzzjoni għala l-Avukat Ġenerali għandu jirriżenja jew jiġi mkeċċi.”

Il-Prim Ministru temm jgħid li l-Gvern huwa konvint mis-saltna tad-dritt u għaldaqstant qiegħed iħares ’il quddiem sabiex titwettaq ir-riforma meħtieġa fil-Pulizija

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend