Bil-għaqal u d-dixxiplina – One News

Notifiki

Bil-għaqal u d-dixxiplina

Jekk hemm legat li se jħalli Dr Joseph Muscat huwa bla dubju ta’ xejn is-sens ta’ għaqal u dixxiplina li rnexxielu jittrasmetti lill-partitarji ġenwini kollha tal-Partit Laburista.

Dan is-sens ta’ għaqal u dixxiplina rajnieh fl-aqwa tal-protesti li kellna matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru. Il-partitarji laburisti u ma kinitx ħaġa faċli baqgħu ‘il bogħod milli jaqgħu għall-provokazzjonijiet u litteralment ħallew il-protesti għaddejjin mingħajr qatt ma ntervjenew. B’hekk ġew evitati inċidenti bla bżonn li persważ li kienu jiġu użati mill-avversarji tal-Moviment Laburista għall-iskopijiet tagħhom. Min jaf kemm kienu jnewħu li l-partitarji laburisti huma vjolenti! Min jaf kemm kienu jippruvaw iħammġuna bl-għajta ta’ marmalja soċjalista!

L-istess sens ta’ għaqal u dixxiplina ntwera wkoll fl-elezzjoni għall-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista.  Elezzjoni serja, professjonali fejn it-tesserati kellhom kull opportunità sabiex bl-aktar mod seren possibbli jesprimu l-preferenza tagħhom. U dan huwa wkoll frott il-legat li ħallielna warajh Dr Joseph Muscat.

Kien ta’ sodisfazzjon għal min iħobb is-serjetà fil-pajjiż jisma’ lill-Prim Ministru ġdid Dr Robert Abela jaċċenna kemm-il darba kemm għandu għal qalbu d-dixxiplina u kemm se jistinka biex jara li d-dixxiplina terġa’ tirrenja fil-pajjiż. Dixxiplina lejn l-istituzzjoniet. Dixxiplina lejn il-pulizija u l-awtoritajiet tas-sigurtà.  Dixxiplina fuq il-postijiet tax-xogħol. Dixxiplina fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dixxiplina fl-istrata kollha tas-soċjetà.

U bħala edukaturi nappella li jsir sforz akbar milli sar s’issa sabiex anke fl-iskejjel jissaħħaħ is-sens ta’ dixxiplina. Jeħtieġ li l-edukaturi jerġgħu jakkwistaw dak is-sens ta’ rispett mill-istudenti u mill-ġenituri.  M’iniex qed nippretendi li nirritornaw għall-ħamsinijiet fejn l-edukatur kien kważi dittatur imma ma nistgħux nippretendu li x-xejn mhu xejn u l-edukaturi tagħna jiġu ttrattati u indirizzati b’intimidazzjoni jew nuqqas ta’ rispett kemm minn xi studenti u minn xi ġenituri. Persważ li l-Ministru l-ġdid, Dr Owen Bonnici se jaħdem sabiex jara li din il-karba tal-edukaturi tinstema’ u mit-teorija ngħaddu għall-prattika.

Jekk irridu li l-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom rispett lejn l-awtorità, jeħtieġ li nibdew mill-iskejjel tagħna.  Jekk niżirgħu r-rispett, il-ħsad se jkun wieħed li jħalli l-frott. Min-naħa l-oħra, iżda jekk niżirgħu r-riħ, maltemp biss nistgħu naħsdu.

Min għandu moħħ ħa jifhem!

Ta’ QabelLi Jmiss
Ray Muscat huwa edukaturi b’esperjenza fl-iskejjel statali Maltin sa mill-1986. Kien għalliem tat-Taljan għal 13-il sena fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli u għal dawn l-aħħar erbatax-il sena huwa amministratur fl-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. Ray Muscat huwa wkoll kittieb. Kiteb scripts għar-Radju u r-Televiżjoni tal-istat b’xogħolijiet bħal ‘Fil-Kikkra!’, ‘Tlaqna!’ u ‘Oops!’. Sal-lum ippublika żewġ kotba għat-tfal bl-istejjer ta’ Lippu l-Purtinar u ktieb għall-adulti bit-titlu 'Naħqa ta’ Ħmar’. Jinteressah ħafna l-aspett politiku mhux partiġġjan u t-temi soċjali u edukattivi, b’mod speċjali ma’ dawk li sfortunatament jaqgħu lura fil-mixja tal-ħajja.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend