Miriam Dalli telenka t-tliet pilastri ewlenin għal Tranżizzjoni Ġusta: il-parteċipazzjoni, l-appoġġ u l-ħolqien – One News

Notifiki

Miriam Dalli telenka t-tliet pilastri ewlenin għal Tranżizzjoni Ġusta: il-parteċipazzjoni, l-appoġġ u l-ħolqien

Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Miriam Dalli rrappreżentat il-pożizzjoni tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fuq il-Green Deal Ewropew.

Il-pożizzjoni tagħha kienet b’saħħitha, dwar kif dan il-ftehim jista’ jippożizzjona lill-Ewropa fuq quddiem f’industriji li joperaw b’mod li jiffavorixxi il-klima.

Dalli kienet parteċipi wkoll f’negozjati ma’ gruppi politiċi oħra dwar din ir-riżoluzzjoni, f’laqgħat li damu sas-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu.

Dalli elenkat it-tliet pilastri ewlenin li fuqhom għandha tkun ibbażata t-tranżizzjoni ġusta: il-parteċipazzjoni, l-appoġġ u l-ħolqien.

“Jekk ikun hemm finanzjament u politika tajba, ikollna opportunità biex jinħolqu impjiegi ġodda f’realtà ekonomika ġdida,” qalet Miriam Dalli waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar il-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta.

Dalli hija responsabbli għad-direzzjoni politika tal-grupp tas-soċjalistii u d-demokratiċi fir-rigward tal-Green Deal Ewropew.

Fost it-tħassib dejjem jikber dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima, Dalli qalet li l-azzjoni dwar il-klima għandha tkun ta’ benefiċċju għal dawk l-aktar vulnerabbli u ta’ appoġġ għal dawk bi dħul baxx.

“Dawk li jaħdmu f’attivitajiet li jużaw ħafna karbonju ma jistgħux jiġu mwarrba: għall-impjiegi ta’ għada, se jkunu meħtieġa ħiliet differenti. Irridu niżguraw li l-ħaddiema tal-lum jaddattaw għal din il-bidla filwaqt li l-ħaddiema ta’ għada jitħarrġu f’abbiltajiet ġodda,” qalet Dalli.

Dalli tenniet li tranżizzjoni ġusta u inklussiva għandha tkun ibbażata fuq il-ħaddiema u l-komunitajiet affettwati, biex dawn ikunu parteċipi fl-ippjanar tal-azzjoni dwar il-klima. Sostniet li għandu jingħata appoġġ permezz ta’ programmi finanzjarji ffokati u l-enfasi fuq il-kapaċitajiet, biex tingħata prijorità lil dawk l-aktar vulnerabbli, filwaqt li jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità, flimkien ma’ miżuri soċjali b’saħħithom.

“Għandna nkunu ppreparati bl-aħjar prattiċi, biex noffru assistenza teknika u għarfien u biex nappoġġjaw inizjattivi intensivi, bħall-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija nadifa, il-mobilità elettronika, it-turiżmu u attivitajiet agrikoli” temmet tgħid Miriam Dalli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend