Illum wara nofsinhar se jkun qiegħed jieħu l-ġurament tal-ħatra l-kabinett il-ġdid li għażel fl-aħħar sigħat il-Prim Ministru Robert Abela.
Id-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru huma bbażati fuq il-prijorità li l-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem b’sens ta’ kontinwità filwaqt li jkompli jwettaq ir-riformi meħtieġa.
Il-kabinett il-ġdid jirrikonoxxi s-suċċess ekonomiku tal-pajjiż u jikkonferma r-rieda tal-gvern li jindirizza iktar l-aspirazzjonijiet ġenwini tal-familji u t-titjib soċjali tal-komuntajiet. Fost oħrajn, oqsma bħall-akkomodazzjoni soċjali, il-wirt nazzjonali, il-protezzjoni tal-konsumatur u d-drittijiet tal-annimali ttellgħu fuq livell ministerjali.
Il-Ġustizzja u l-Governanza kif ukoll l-Ambjent u l-Ippjanar ġew ikkonsolidati f’ministeru wieħed filwaqt li l-Infurzar tal-Liġi ngħata responsabbiltà ministerjali flimkien mal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
L-oqsma Ewropej u barranin ingħaqdu f’dekasteru wieħed sabiex pajjiżna jimplimenta b’mod iktar effettiv il-ħidma tiegħu barra minn Malta.