It-turisti żdiedu bi 8.3% f’Novembru – in-nefqa żdiedet b’10.3% – One News

Notifiki

It-turisti żdiedu bi 8.3% f’Novembru – in-nefqa żdiedet b’10.3%


Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul Novembru li għadda komplew jiżdiedu bil-kbir mhux biss il-wasliet tat-turisti f’Malta iżda b’mod sostanzjali wkoll in-nefqa tagħhom f’Malta. Dan minkejja li x-xahar ta’ Novembru kien ukoll ikkaraterizzat minn diversi protesti fit-toroq tal-Belt.

Iċ-ċifri tal-NSO juri li matul Novembru li għadda, il-wasliet tat-turisti f’Malta kienu jammontaw għal 191,698 turist, jiġifieri żieda ta’ 8.3% meta mqabbel mal-istess xahar fl-2018.

Miċ-ċifri tal-NSO joħroġ li aktar minn 158,000 turist żaru lil Malta għal btala waqt li aktar minn 24,000 oħra żaru l-gżejjer Maltin għal skop ta’ negozju. Aktar minn 40% tat-turisti kellhom bejn 25 u 44 sena.

L-NSO żied jgħid l-ammont tal-iljieli li t-turisti qattgħu f’Novembru żdiedu b’9% u qabżu l-1,200,000 lejl. B’aktar minn 56%, it-turisti raqdu f’postijiet ta’ akkomodazzjoni kollettiva bħalma huma l-lukandi.

Miċ-ċifri joħroġ ukoll li f’Novembru t-turisti ħallew fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin aktar minn €136 miljun, li kienet tfisser żieda qawwija ta’ 10.3% meta mqabbel mal-2018.

L-Uffiċju Nazzjonali l-Istatistika żied jgħid li fl-ewwel 11-il xahar tas-sena, il-wasliet tat-turisti f’Malta kienu jammontaw għal żewġ 2,600,000 turist, żieda ta’ 5.3% meta mqabbel mal-2018.

Joħroġ ukoll li bejn Jannar u Novembru tas-sena li għaddiet, it-turisti nefqu aktar minn €2,100 miljun, jiġifieri żieda ta’ 4.9% mill-2018. Ras għal ras, it-turisti nefqu f’Malta €814 li hija kważi l-istess ammont li nefqu fl-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend