Il-boroż tad-demm li jingħataw ta’ kuljum naqsu b’madwar 20 matul ix-xahar ta’ Jannar – One News

Notifiki

Il-boroż tad-demm li jingħataw ta’ kuljum naqsu b’madwar 20 matul ix-xahar ta’ Jannar


Il-boroż tad-demm li jingħataw ta’ kuljum naqsu b’madwar 20  matul ix-xahar ta’ Jannar.

Għaldaqstant is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm għal darba oħra qed jappella għal iktar donazzjonijiet.

Qal dan ma’ ONE News id-Direttur tal-Bank tad-Demm, is-Sur Alex Aquilina hekk kif tenna li l-Isptar Mater Dei jagħmel użu minn madwar ħamsin borża demm kuljum.

Is-Sur Aquilina:Li ġara huwa wara l-festi bejn bit-temp bejn l-influwenza li kien hawn ħafna nies li ma jifilħux bl-influwenza in-numru ta’ donaturi naqas għal bejn wieħed u ieħor bejn 30 u 35 kuljum. Issa l-isptarijiet hawn Malta speċjalment l-Isptar Mater Dei jużaw 50 borża demm kuljum. Jiġifieri jekk inti qed jiġuk 30, 35 għandek 15, 20 borża demm inqas kuljum.”

Spjega wkoll kif l-appell għad-demm jiffoka fuq demm tat-tip o-positive, o-negative u a-negative. Is-Sur Aquilina sostna: “Dawn il-gruppi tad-demm għandna nuqqas serju. Tant hu serju n-nuqqas li hemm riskju li hemm xi operazzjonijiet pereżempju operazzjonijiet tal-qalb li jistgħu jiġu posposti għal ġranet oħrajn.”

Is-Sur Aquilina spjega wkoll kif kull min f’dan it-temp xitwi seta’ laqqat xi riħ, irid tal-inqas jistenna ġimgħa biex ikun jista’ jagħti d-demm. Huwa spjega: “Irid wieħed jgħaddilu u ma jkun qed fuq mediċini u idealment iħalli  tal-inqas iħalli ġimgħa qabel jiġi jagħti demm li jkun qed iħossu tajjeb.”

Intant is-Sur Aquilina faħħar ukoll makkinarju ġdid installat fil-Bank tad-Demm li huwa strumentali biex ċertu mard li jista’ jiġi trażmess permezz ta’ l-għoti tad-demm jinqabad aktar kmieni milli kien jinqabad qabel.

Barra minn hekk l-istess makkinarju jista’ jintuża wkoll biex ikunu analizzati ċerti viruses li s’issa ma kienx possibbli li jkunu ttestjati. Is-Sur Aquilina temm jgħid: “Dan huwa makkinarju avvanzat ħafna. Testijiet avvanzati ħafna li jżidu s-sigurtà u s-safety tad-demm. Għax jaqbdu infezzjonijiet qabel ma jaqbduhom analiżi oħrajn.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend