It-tonn ta’ Malta jiġbed l-ammirazzjoni tal-Ġappuniżi – One News

Notifiki

It-tonn ta’ Malta jiġbed l-ammirazzjoni tal-Ġappuniżi


It-tonn, ħuta mfittxija ħafna speċjalment fil-Ġappun.

F’dawn l-aħħar snin, l-esportazzjoni tat-tonn minn Malta lejn il-Ġappun hija waħda b’saħħitha u fil-fatt pajjiżna jesporta primarjament lejn dan il-pajjiż Asjatiku mat-28,000 tunnellata ta’ tonn fis-sena.

Dan l-ammont sostanzjali iġib valur ta’ €150 miljun, kif jispjega l-Kap Eżekutti tal-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura Charlon Gouder. Dr Gouder fisser: “Jirnexxilna nipproduċu l-akbar ammont ta’ esportazzjoni ta’ tonn illi f’aktar minn 90% minnu jmur ġewwa l-Japan.”

Dr Gouder saħaq li t-tonn ta’ Malta jiġbed l-ammirazzjoni tal-Ġappuniżi li huma involuti fl-industrija tat-tonn. Dan minħabba l-kwalità tat-tonn esportat minn Malta.

Dr Gouder sostna: “Huwa mportanti u tajjeb ħafna li nżidu l-livelli tal-esportazzjoni Malta partikolarment meta għandna trade deficits partikolarment ma’ gġanti bħal meta nitkellmu lejn il-Japan. Parti l-oħra tal-munità tirrigwardja li l-industrija tkompli tikber, tikber b’mod sostennibbli u tikber ukoll f’rispett sħiħ u b’rispett sħiħ lejn l-ambjent ta’ madwarna.”

 Lill-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija għall-Prodotturi tal-Akwakultura ma stajniex ma nistaqsuhx dwar l-irkant li jsir fil-bidu tas-sena fil-Ġappun fejn dak meqjus bħala r-Re tat-Tonn, Kiyoshi Kimura ħallas kważi żewġ miljun dollaru sabiex xtara tonn li jiżen mal-275 kilogramma.

Saħaq fuq differenza li teżisti dwar dan it-tip ta’ tonn irkantat li ma jiġix minn Malta. Huwa spjega: “Irridu wkoll npoġġu kollox f’kuntest. Il-kuntest huwa li dik l-auction hija auction ta’ darba fis-sena mhuwiex il-prezz rikorrenti li wieħed jistenna u jisma’ li jġib jiswa matul il-korsa normali tax-xogħol.”

Hekk kif poġġa idu fuq it-tonn li kien għadu kemm xtara, is-sid ta’ stabilimenti tal-ikel tas-sushi, saħaq li dan huwa l-aqwa tonn u għalhekk ħallas mhux ħażin għalih.

“Dawk li jiġu jieklu għandi jixraqilhom iduqu ftit tonn tajjeb”, saħaq Kimura waqt dan l-irkant li fih ikun hemm tonn li jinqabad minn diversi postijiet madwar id-dinja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend