Malta llum għandha Prim Ministru ġdid: l-Avukat Robert Abela.
Huwa ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-Kap tal-Gvern għall-ħabta tat-3:30 ta’ waranofsinhar wara li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd huwa kien elett mexxej tal-Partit Laburista.
Il-ħatra ta’ Dr Abela seħħet wara li għall-ħabta tas-1:45 kwart ta’ waranofsinhar Joseph Muscat ħalla l-Berġa ta’ Kastilja għall-aħħar dabra u ppreżenta r-riżenja tiegħu minn Prim Ministru ta’ Malta lill-President tar-Repubblika George Vella fil-Palazz tal-President.
Kien għall-ħabta tat-3:00 ta’ waranofsinhar li Robert Abela wasal il-Belt fejn irħiela lejn Misraħ San Ġorġ. Hekk kif xiref ‘il barra mill-karozza huwa mar mill-ewwel isellem lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li sfidaw il-kesħa sabiex isellmu lil dak li ftit tal-ħin wara kien se jkun it-tmien Prim Ministru fl-istorja ta’ wara l-Indipendenza ta’ pajjiżna.
Hawhekk daħal fil-Palazz fejn intlaqa’ mill-President Vella kif ukoll mal-grupp parlamentari Laburista. Fil-preżenza ta’ martu Lydia, bintu Giorgia May, missieru l-President emeritu George Abela, ommu Margaret u oħtu Maria, Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra fis-Sala tal-Ambaxxaturi.
“Jien Robert Abela solenniment naħlef li naqdi fedelment u skont il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħu bħala prim ministru skont il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta mingħajr biża’ jew favur hekk Alla jgħini.”
Fil-preżenza tal-Prim Imħallef, Joseph Azzopardi; l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg; u l-Kap tas-Servizz Pubbliku, Mario Cutajar, Dr Abela ha wkoll il-ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni.
“Jien Robert Abela solenniment naħlef li nkun fidili u leali lejn il-poplu u r-repubblika ta’ Malta u l-kostituzzjoni tagħha hekk Alla jgħini.”
Il-ġurament ittieħed ukoll fil-preżenza tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat flimkien ma’ martu Michelle. Ma’ dawn ingħaqdu l-grupp parlamentari Laburista kif ukoll diversi ħbieb u membri oħra tal-familja tal-Prim Ministru l-ġdid.
Wara ċ-ċerimonja l-Prim Ministru l-ġdid u martu xirfu mill-gallarija ewlenija tal-palazz, fejn għal darb’ oħra sellmu lill-folla li nġabret f’misraħ San Ġorġ.
Biex wara t-tislima lejn il-folla fi Pjazza San Ġorġ, il-Prim Ministru l-ġdid għadda l-ewwel kummenti tiegħu lill-mezzi tax-xandir u saħaq li huwa lest biex iservi u jtejjeb ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Il-Prim Ministru Abela stqarr: “Inħossni emozzjonat bir-responsabilità li ngħatajt li nservi l-poplu Malti. Sodisfatt ħafna u lest li naħdem ħafna biex intejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin kollha. Lest biex inservi.”
Il-Prim Ministru Abela sostna wkoll li tkellem mal-Ministru Chris Fearne u tenna l-impenn li jaħdem mill-qrib mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-membri kollha tal-grupp parlamentari Laburista.