Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Lokali tal-Munxar biex issir il-pjazza tar-raħal – proġett ta’ €800,000 b’investiment dirett tal-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li permezz tal-inizjattiva ‘Proġett Għawdex’ għadd ta’ proġetti infrastrutturali qed jiġu mwettqa madwar Għawdex kollu. “Illum qed nagħtu bidu għal proġett ieħor li kien imsemmi fil-baġit li għadda fejn issa qed ngħaddu għall-fażi tal-implimentazjoni fejn permezz ta’ fondi li l-Ministeru għal Għawdex qed jgħaddi lill-Kunsill Lokali tal-Munxar, ser ikun jista’ jsir il-proġett tal-pjazza tal-Munxar”, qalet Justyne Caruana.
Il-Ministru għal Għawdex stqarret li dan hu proġett importanti u mistenni ħafna mill-Munxarin fejn mhux biss ser ikun hemm tisbiħ estetiku tal-misraħ ewlieni pero ser jiżdiedu l-accessibilità u faċilitajiet anċellari li huma kompatibbli mal-viżjoni ta’ Eko-Għawdex. “Dan hu eżempju konkret li l-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti bis-sħiħ fil-lokalitajiet Għawdxin li kollha ghandhom x’joffru, inkluż ir-raħal tal-Munxar fejn fi ftit ta’ jiem oħra ser tkun konkluża wkoll Triq il-Munxar li tinsab fl-istess raħal, b’fondi tal-Ministeru għal Għawdex.
Semmiet ukoll l-investimet qawwi li qed isir fiż-żona turistika tax-Xlendi li tifforma parti mill-konfini tal-Munxar. Il-Ministru għal Għawdex ikkonkludiet billi qalet li permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, il-livell tal-ħajja tal-Għawdxin ser ikompli jitjieb u Għawdex se jsir aktar attraenti għal dawk kollha li jżuruħ.
Is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri qal li issa l-Munxar ser iwettaq ħolma li ilha snin biex tiġi mwettqa u dan grazzi għall-Ministru Justyne Caruana li tat widen għat-talba li ressaq il-kunsill lokali. Is-Sur Spiteri qal li r-residenti Munxarin għandhom għax iħossuhom grati lejn il-ministru għal Għawdex li dejjem uriet il-ħeġġa li tisma’ u tassisti t-talbiet li l-kunsill lokali ressaq.
Il-Kunsillier Joseph Cauchi wera s-sodisfazzjoni tiegħu li wara tant snin, il-Munxar ser ikollu pjazza b’dehra ġdida.