Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli inawgurat l-uffiċini l-ġodda ta’ Identity Malta fl-Imsida. Dan wara li l-aġenzija ħasset il-ħtieġa li tibda topera minn post ġdid, minħabba li l-postijiet minn fejn kienu joperaw it-Taqsima tal-Espatrijati u s-Central Visa Unit ma kinux qed jaqdu l-funzjonijiet tal-aġenzija bl-aħjar mod fid-dawl taż-żieda fid-domanda għas-servizzi offruti minnhom.
Għalhekk, Identity Malta għarfet il-bżonn li tirriloka għal binja aktar attrezzata li tixraq lis-servizz pubbliku u lill-ħaddiema tagħha.
Julia Farrugia Portelli ħabbret li wara li dawn iż-żewġ taqsimiet ġew rilokati għal binja ġdida mingħajr ebda ntopp għall-pubbliku, issa fix-xhur li ġejjin imiss l-Uffiċċju tal-Passaporti, ir-Reġistru Pubbliku u t-Taqsima taċ-Ċittadinanza biex joħorġu minn Evans Building u jiġu rilokati f’binja oħra aktar moderna u adattata fil-Marsa, u li hija faċilment aċċessibbli mit-trasport pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli rrikonoxxiet il-bosta suċċessi li kisbet l-aġenzija fl-aħħar snin, inkluż il-ftuħ tal-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku f’Mater Dei, miżura ta’ simplifikazzjoni li biha fl-isptar stess, persuna tkun tista’ tirreġistra lit-tarbija tagħha u tevita li tidħol il-Belt Valletta.
Twaqqaf ukoll Reporting Unit, kien imniedi passaport Malti ġdid fejn id-dettalji personali qed isiru fuq materjal polycarbonate sabiex b’hekk żdiedet is-sigurtà tal-passaport. Dan il-passaport huwa wieħed mill-ftit fl-Ewropa li huwa aċċessibbli għal persuni neqsin mid-dawl. Sar ukoll tibdil fil-Liġi taċ-Ċittadinanza u tnediet il-pjattaforma elettronika tas-single permit fost oħrajn.
Is-segretarju parlamentari għamlet referenza għal numru ta’ inizjattivi u servizzi ġodda li se tkun qed tniedi l-aġenzija fix-xhur li ġejjin, fosthom it-tnedija tal-karta tal-identità ġdida, aktar servizzi f’Għawdex , kif ukoll it-tnedija tas-servizz tan-notifiċi tat-twelid u l-imwiet online.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta s-Sur Anton Sevasta u ċ-Chairman non-Eżekuttiv Dr Ian Castaldi Paris li tkellmu fuq il-miri li għandha l-aġenzija biex timxi ‘l quddiem. Issemmew il-pjani biex fil-futur qarib l-aġenzija temigra aktar proċessi u servizzi online, u għaldaqstant timxi lejn operat mingħajr l-użu tal-karti.
Julia Farrugia Portelli ngħaqdet magħhom u sostniet dwar kif Identity Malta hija kommessa li toffri servizz effiċjenti, u għal dan irringrazzjat lill-ħaddiema tal-aġenzija għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom.