Fitch iżżomm ir-rating ta’ A+ għal Malta – One News

Notifiki

Fitch iżżomm ir-rating ta’ A+ għal Malta

L-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Fitch ikkonfermat ir-rating ta’ Malta A+.

F’rapport dettaljat mill-aġenzija magħrufa li tagħmel analiżi ekonomika bir-reqqa, l-esperti ta’ Fitch irrimarkaw li dan iċ-ċertifikat eċċellenti ġej riżultat ukoll ta’ istituzzjonijiet b’saħħithom f’Malta.

“Malta għandha istituzzjonijiet iżjed b’saħħithom minn dawk ta’ pajjiżi oħra li għandhom rating għoli”, saħqu l-esperti ta’ Fitch li huma magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Pajjiżna jgħaddi wkoll pajjiżi oħra li għandhom rating għoli anki dwar il-governanza.

Fi kliem Fitch, “Malta tgħaddi pajjiżi b’rating medju ta’ A fil-klassifika tal-bank dinji li jħares lejn bosta indikaturi fosthom dawk marbuta mal-iżvilupp tal-bniedem u l-governanza”.

Fitch iżżid tgħid li minkejja l-aħħar żviluppi politiċi, fejn Malta issa se jkollna Prim Ministru ġdid, l-andament ekonomiku mistenni jibqa’ wieħed pożittiv riżultat ta’ tkabbir ekonomiku li pajjiżna baqa’ jirreġistra fl-aħħar snin.

Is-sena li għaddiet Fitch tistma’ li t-tkabbir ekonomiku laħħaq l-erbgħa punt disgħa fil-mija, ferm ogħla mill-medja tal-pajjiż b’rating ekonomiku ta’ A.

Fil-fatt dawn il-kategoriji ta’ pajjiżi rreġistraw tkabbir ekonomiku ta’ tlieta fil-mija, b’Malta tirreġistra kważi tnejn fil-mija iktar.

It-tkabbir fil-prodott domestiku gross mistenni jlaħħaq l-erbgħa punt ħamsa fil-mija għal din is-sena, u erbgħa punt tnejn fil-mija għas-sena d-dieħla.

Intant Fitch qalet li hija temmen li l-Gvern Malti se jibqa’ jżomm mar-regoli fiskali f’termini ta’ budget bilanċjat.
Id-dejn ukoll mistenni jkompli jinżel u l-analiżi tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu qed tistma li dan għandu jinżel għal sebgħa u tletin fil-mija fl-elfejn wieħed u għoxrin.

Dan meta qabel il-bidla fil-Gvern, f’Marzu tal-elfejn u tlettax, id-dejn kien ilaħħaq il-wieħed u sebgħin fil-mija tal-ġid nazzjonali.

Intant Fitch għamlet referenza wkoll għar-rapport tal-MoneyVal u rrimarkat kif il-Gvern irrikonoxxa u diġà beda jimplimenta rakkomandazzjonijiet li se jkomplu jsaħħu lill-pajjiżna fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinananzjar tat-terroriżmu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend