Servizz ġdid ta’ psikoterapija fid-djar tal-anzjani – One News

Servizz ġdid ta’ psikoterapija fid-djar tal-anzjani


Aktar minn 3,000 anzjan u anzjana li jgħixu fid-djar tal-anzjani se jibdew jibbenefikaw minn servizz ta’ psikoterapista b’xejn.

F’konferenza tal-aħbarijiet mid-dar tal-anzjani tal-Mosta, il-psikoterapista Theresa Micallef spjegat kif it-taqliba li jgħaddu minnha l-anzjani meta jmorru jgħixu f’dar tal-anzjani hija waħda kbira u bosta jkollhom bżonn interventi psikoloġiċi minħabba s-saħħa mentali tagħhom.

Dr Micallef spjegat: “Hija komuni fis-sens li meta jinbidlu mid-dar tagħhom u anka jidħlu fi sptar għall-home huma qed jitilfu ċerta indipendenza tagħhom li kellhom fil-komunità, fil-ħajja tagħhom allura huma jħossuha. Ġejt hawnhekk biex immut, ġejt hawnhekk x’se nagħmel? Kelli ħajja qabel.”

Kompliet tispjega li dawn l-interventi jistgħu jwasslu wkoll għal relazzjoni aħjar bejn il-professjonisti li jaħdmu f’dawn id-djar u l-anzjani nfushom.

Dr Micallef kompliet tispjega: “Fil-fatt meta huma jibdew jingħalqu fihom infushom anki l-imġiba tagħhom mal-istaff tista’ tkun diffiċli. Hemm jibdew ċertu kunflitti li importanti ma jibqgħux biex ngħinuhom biex anki dawn ikollhom kwalità ta’ xogħol b’mod aktar pożittiv.”

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li s-servizz ġdid se jiżdied ma’ kullana ta’ inizjattivi li ġew varati kemm għall-anzjani fi djar residenzjali u anki għal dawk fil-komunità. Huwa fakkar kif fl-aħħar baġit, dan il-Gvern qed jinvesti għall-anzjani €171 Miljun.

L-Onor Agius Decelis fisser: “Dan is-servizz se jgħin jagħmel din it-tranżizzjoni bl-aktar mod dinjituż u jibqgħu jgħixu b’mod dinjituż ta’ kwalità ta’ ħajja tajba. Sibna min ma jgħix ħajja tajba jispiċċa jgħix fid-dwejjaq meta ma jkollux għalfejn jgħix fid-dwejjaq.”

Is-Segretarju Paralmanti qal li grazzi għall-ħidma bieżla ta’ dan il-Gvern fil-jiem li ġejjin se jkomplu jitħabbru iktar servizzi għall-anzjani kemm għal dawk fil-komunità u dawk li jgħixu fid-djar residenzjali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend