L-għażla li se jagħmlu t-tesserati għandha tkun ibbażata fuq min se jkun l-aħjar mexxej li jwassal il-messaġġ u jappella lin-nies meta tiġi elezzjoni oħra. Qal dan Robert Abela f’attività politika f’Ħal Qormi, fejn sostna kif din ir-riċetta rebbieħa m’għandhiex tinbidel.
“Ftakru li dakinhar l-għażla se tkun bejn min jista’ l-iżjed iwassal il-messaġġ, lill-firxa wiesgħa ta’ nies. Lil min jista’ jżomm il-partit maqgħud u jżommu rebbieħ, min jista’ jappella għall-firxa usa’ ta’ nies. Niftakru li s-sigriet ta’ dan il-partit kien li kien appellabbli għall-firxa wiesgħa ta’ nies.”
Robert Abela qal li se jkun fuq quddiem nett biex jipproteġi d-delizzji tal-kaċċa u l-insib. Semma d-dwejjaq tiegħu meta waqt li kien jiddefendi kaċċaturi fil-qrati fuq ksur żgħir dawn dejjem weħlu l-ogħla multi possibbli. Qal li fost il-proposti li mexxa ‘l quddiem hemm li l-liċenzja tkun maħduma fuq punti u mhux tintilef għal kollox, li l-istaġun tal-għasafar tal-għana jiftaħ għal żmien raġonevoli, u li fuq ksur żgħir il-penalità tkun ukoll raġonevoli. Qal li iżda dan ma jgħoddx fuq tajr protett.
Abela qal li ilu jitkellem xhur fuq l-immigrazzjoni anke waqt li ġie attakkat għax uża l-istess lingwa tan-nies. Temm jgħid li l-akkoljenza tal-Maltin għandha tiġi rreċiprokata b’rispett u mhux b’inkwiet fiċ-ċentri tad-detenzjoni.