L-Awtorità Maltija għal-Logħob immultat lill-kumpanija Blackrock Media Limited is-somma ta’ €2.34 miljun wara li rriżulta li kienet qiegħda topera b’mod illegali u mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa.
Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri fisser din id-deċiżjoni bħala sinjal ċar li l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod diliġenti, effiċjenti u effettiv.
Din kienet l-ogħla multa li ngħatat mill-Awtorità Maltija għal-Logħob b’rabta ma’ servizz ta’ logħob mhux awtorizzat
Is-Segretarju Parlamentari qal li: “Dan huwa sinjal ċar li l-istituzzjonijiet tagħna jaħdmu b’mod diliġenti, effiċjenti u effettiv. Huwa nnutat kif din hija l-ogħla multa maħruġa mill-Awtorità Maltija għal-Logħob u dan juri biċ-ċar il-kredibilità u s-serjetà li l-awtorità topera bihom sabiex tissalvagwardja r-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni Maltija f’dan is-settur”, qal is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri enfasizza li dan ir-riżultat kien possibbli permezz tax-xogħol professjonali li sar b’ħidma konġunta bejn l-Awtorità Maltija għal-Logħob u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
“Dan ir-riżultat huwa xhieda li l-Gvern Malti huwa kommess li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li tressqu s-sena li għaddiet mir-rapport tal-MONEYVAL u fit-tisħiħ tal-miżuri li ttieħdu sa issa mill-amministrazzjoni attwali. L-industrija tal-logħob hija element importanti għall-ekonomija tagħna u għalhekk irridu nkomplu sabiex nassiguraw li l-ġurisdizzjoni tagħna tkompli televa ‘l fuq u żżomm it-titlu ta’ ‘home for gaming excellence’. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jkabbar din l-industrija li se tkompli tikber fis-snin li ġejjin”, qal Silvio Schembri.