JOSEPH – One News

Notifiki

JOSEPH

Ma ninsa qatt l-għajta tal-2008 fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun ftit wara li sar magħruf li Joseph Muscat ġie elett bħala l-Mexxej tal-Partit Laburista. L-2008 kienet is-sena tal-qtiegħ il-qalb u t-tama fl-istess ħin. Konna ġarrabna telfa elettorali oħra u għal żgħażagħ bħali, dak iż-żmien ta’ 18 –il sena, mimlijin entuzjażmu, kienet daqqa psikoloġika kbira. Mhux faċli timxi fil-kurituri tal-Università u jħarsu lejk biċ-ċiera u b’superjorità sempliċiment għax Laburist, sempliċiment għax kont wieħed li qatt ma ddejjaqt jew bżajt nuri l-ideali tiegħi.

F’Joseph, ħafna bħali raw it-tama. Għalkemm il-kandidati l-oħra li ħarġu kollha kienu validi, Joseph spikka ferm aktar. Il-kliem ‘Ġenerazzjoni Rebbieħa’, il-kliem ‘Staġun Politiku Ġdid’ instema’ sabiħ ferm u nxtamm qisu balzmu.

Wara l-elezzjoni u fil-ħidma tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista u bħala Kap tal-Oppożizzjoni l-kliem li qal għamilhom fil-prattika. Wettaq terremot fil-Partit Laburista, u minkejja li kien hemm rezistenza minn min kien xettiku mill-bidliet, baqa’ għaddej mhux qisu romblu ma jagħti każ lil ħadd, imma billi kkonvinċa, billi pperswada lil dawk li kienu qed jistaqsu li dik kienet it-triq li kellna nieħdu biex ninbidlu u nkunu lesti biex inbiddlu l-pajjiż.

Il-politika li adotatta ma kinitx waħda ta’ firda u kliem aħrax, attakki personali jew diskors ultra-partiġġjan. Kien iebes fejn kellu jkun iebes imma dan jagħmlu fuq l-idea mhux fuq il-persuna, baqa’ jżomm ma’ dan id-diskors sa dawn l-aħħar jiem, minkejja l-attakki bla ħniena fuqu u fuq il-familja tiegħu.

Joseph Muscat biddel il-Partit Laburista minn Partit lin-nies kienu jarawh biss maħluq biex ikun fl-Oppożizzjoni u kif kienu jgħidulna n-Nazzjonalisti stess, tajjeb biss biex jirbaħ il-friendlis għall-Partit rebbieħ, magna elettorali b’saħħitha u fabbrika tal-ideat li ġibdet warajha nies minn kull spettru tal-ħajja, moviment li laqa’ fi ħdanu lil kull min ried li pajjiżna jimxi ‘l quddiem u jinfatam mill-politika ta’ firda.

Mhux ta’ b’xejn li Joseph rebbaħ l-elezzjonijiet kollha li mar għalihom, kemm fil-Gvern u fl-Oppożizzjoni b’marġini li qatt ma ra bħalhom dan il-pajjiż. Irnexxilu jbiddel il-mod kif naħsbu llkol, forsi dik kienet l-ikbar kisba tiegħu.

Fil-Gvern wettaq riformi kbar li qatt ma jistgħu jintessew u jgħid x’jgħid kulħadd, il-legat li se jħalli warajh Joseph huwa ta’ pajjiż li għamel miraklu ekonomiku li lanqas l-esperti Ewropej qatt ma bassru. Li biddel pajjiż li kien meqjus bħala fil-Medju Evu f’dawk li huma drittijiet ċivili għall-pajjiż li jħarsu lejna bħala eżempju, fuq kollox li daħħal riformi kbar soċjali li permezz tagħhom qala’ u qed jaqla’ n-nies mill-faqar u ħareġ in-nies jaħdmu sabiex jiżdied id-dħul tagħhom u tal-familji tagħhom. Għen lil dawk b’diżabilità, raħħas il-kontijiet tad-dawl li kienu tant ta’ mażra u beda proġett ta’ infrastruttura li dan il-pajjiż qatt ma ra. Wettaq ħafna wkoll fl-oqmsa bħal-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa, ħoloq niċċeċ ġodda ekonomiċi, u nistgħu nibqgħu sejrin bil-lista.

Illum ninsabu fuq l-għatba li nsellmulu. Joseph se jibqa’ f’qalbna bħala ġgant li tana ħafna lkoll. Nies bħali, li kellhom il-privileġġ li jaħdmu miegħu mill-qrib għal tant snin, tana l-pożittività tiegħu, qanqal fina r-rieda li niksbu aktar permezz ta’ ħidmietna u kebes fina l-imħabba lejn pajjiżna.

Jgħid x’jgħid kulħadd, Joseph iddeċieda kif iddeċieda għax dejjem ġab l-interessi tal-Gvern u l-Partit qablu. Jiddispjaċini biss narah jitlaq kif se jitlaq, jiddispjaċini nara l-kliem ta’ disprezz, minkejja li refa’ r-responsabilitajiet kollha inkluż dawk li mhux tiegħu tul iż-żmien kollu, jiddispjaċini lejn il-mibgħeda li ġarrab hu u l-familja tiegħu, jiddispjaċini li kien hemm min iddubitah anke nies li sakemm id-dgħajsa kienet miexja mqit ma’ qal xejn, imbagħad x’ħin bdiet timbaram naqra, tkellem, fuq kollox jiddispjaċini li din il-ħidma mhux se jkompliha iżjed, għalkemm persważ li ġej min ġej warajh se jkun Kaptan b’saħħtu wkoll li se jkompli jwettaq il-manifest elettorali.

Minkejja dak li ġara, li xxokja lil ħafna, jien ċert li f’qalb in-nies Joseph se jibqa’ mfakkar, mitkellem u msemmi bħal il-persuna li ġab il-bidla għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, li ta tama lil min kien tilifha permezz tal-mizuri soċjali, li ta eżempju u qanqal żgħażagħ biex iqumu u jitkellmu anke dawk li llum qed jikritikawh, li rebaħ l-elezzjonijiet permezz ta’ politika pożittiva u mhux tribali, li biddel ix-xenarju politiku kollu, li fetaħ il-bibien għal kulħadd. Joseph se jkun dejjem raġel umli iżda fuq kollox statista mill-kbar nett.

Grazzi Prim, ta’ kollox.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend