Irrid nara pajjiż fejn kulħadd jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Fejn ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.
Fisser dan id-Deputat Prim Ministru u kandidat għal Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne f’attività politika f’Għawdex li matulha saħaq li Gvern immexxi minnu jkompli joħloq il-ġid u jara li jasal għand kulħadd; ħaddiema, studenti, familji u pensjonanti.
“Din hija l-ħolma tiegħi. Il-ħolma li naraw li nagħmlu minn pajjiżna pajjiż fejn kulħadd jgħix sew. Li nagħmlu minn pajjiżna ġawrha. Li nagħmlu minn pajjiżna fejn kulħadd igawdi drittijiet indaqs, fejn kulħadd jieħu pjaċir jgħix. Li nagħmlu minn pajjiżna pajjiż fejn naraw li uliedna jkunu aħjar minna. Din hija l-ħolma tiegħi, u ċert li din hija l-ħolma tagħkom.”
Esprima d-determinazzjoni tiegħu li neliminaw il-faqar biex kull tifel u tifla jkollhom iċ-ċans li jimirħu fil-ħolm tagħhom u jeċċellaw.
Li l-ħaddiema kollha jingħataw id-dinjità li tixirqilhom b’pagi diċenti għal kulħadd.
Dawn huma l-prinċipji li jiggwidawni, tenna d-Deputat Prim Ministru. Il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u tal-mobiltà soċjali. It-twemmin li għalkemm aħna lkoll differenti –lkoll indaqs, ugwali, ilkoll aħwa Maltin.
F’dan il-kuntest, Fearne temm b’appell lil eluf ta’ Laburisti Maltin u Għawdxin li s-Sibt se jivvotaw għall-Mexxej Laburista u Prim Ministru li jmiss. Appella biex ma jħallu lil ħadd jidħol bejnietna, nibqgħu magħqudin u biex sentejn u nofs oħra nerġgħu nerbħu l-fiduċja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.