Statistika maħruġa mill-Eurostat tindika li matul Novembru l-bejgħ mill-ħwienet kien 2.7% ogħla meta mqabbel mal-istess xahar is-sena ta’ qabel.
Dan jikkuntrasta mill-ispekulazzjonijiet li kienu saru li l-bejgħ mill-ħwienet naqas wara l-bidu tal-protesti fil-Belt.
Fil-fatt minkejja li wara l-20 ta’ Novembru, jew għal terz tax-xahar, kien hemm protesti fil-Belt, xorta kien hemm zieda fuq il-bejgħ li kien sar f’Novembru 2018.
Ta’ min jinnota li f’Novembru 2018 il-bejgħ mill-ħwienet kien żdied b’1.9%. Dan ifisser li skont il-Eurostat iż-żieda fil-bejgħ li kien hemm f’Novembru tal-2019 kienet akbar minn dik fl-istess xahar tal-2018.
Barra minn hekk meta wieħed iqabbel il-livell ta’ bejgħ f’Novembru 2019 ma’ dak fl-istess xahar qabel il-bidla fl-amministrazzjoni fl-2012, wieħed jinnota żieda ta’ 22%.
Filwaqt li xi wħud kienu qed jgħidu li minħabba l-inċertezza politika l-Maltin mhumiex qed jixtru u qed joqogħdu lura, l-istatistika tal-Eurostat tindika li f’Novembru ż-żieda li seħħet f’pajjiżna, 2.7%, kien ferm ogħla mill-medja Ewropea ta’ 1.9%.
L-istatistika fuq il-bejgħ fil-ħwienet hija t-tieni indikatur ekonomiku li ħareġ s’issa u li jkopri l-perjodu li skont xi wħud l-ekonomija Maltija marret għall-agħar. L-ewwel indikatur li ħareġ kien l-ammont ta’ depożiti tal-familji mal-banek lokali. fix-xahar ta’ Novembru dawn kienu 6.5% ogħla mill-istess xahar sena ilu. Fix-xahar ta’ Novembru d-depożiti tal-familji żdiedu b’aktar minn €180 miljun ewro u għall-ewwel darba fl-istorja qabżu rekord ta’ 13-il biljun ewro.
Dan ifisser li l-istatistika uffiċjali li ħarġet sa issa indikat li d-depożiti tal-familji mal-banek lokali komplew jissaħħu f’Novembru filwaqt li l-bejgħ mill-ħwienet f’Malta kompla jiżdied b’rata ferm aħjar minn dik fil-bqija tal-Unjoni Ewropea.
Dan huwa konferma oħra ta’ kemm mhu veru xejn li s-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna marret għall-agħar u li hemm xi pressjoni fuq l-impjiegi jew id-dħul tal-familji. Jidher li f’Novembru xorta kien hemm rata ferm tajba ta’ konsum u tifdil fost il-familji f’pajjiżna.