Il-kumpanija Enemalta ħabbret li l-istħarriġ li sar fl-aħħar sigħat mill-bastiment Polar King identifika l-punt fejn seħħet il-ħsara fil-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija.
Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li l-ewwel indikazzjonijiet jikkonfermaw is-suspetti inizjali.
Mill-filmati miġbuda jirriżulta li hemm evidenza raġonevoli li turi li l-cable inqata’ b’ankra li tkaxkret f’qiegħ il-baħar wara li qalgħetu mit-trinka.
L-Enemalta qalet li fis-sigħat li ġejjin l-inġiniera tagħha flimkien ma’ dawk tal-kumpanija Nexans se jkomplu janalizzaw il-filmati miġbuda mill-bastiment Polar King biex jiġi stabbilit x’hemm bżonn li jsir biex jingħata bidu għall-proċess ta’ tiswija.