Il-vjaġġ li beda kważi tnax-il sena ilu, meta Joseph Muscat ħa t-tmun tal-Partit Laburista, se jkompli bi Chris Fearne Prim Ministru.
F’Attività taħt it-tinda fiż-Żurrieq, Chris Fearne fakkar li huwa l-uniku kandidat li kien ma’ Joseph Muscat sa mill-bidu nett, u li l-esperjenza li kiseb mingħandu, speċjalment f’dawn l-aħħar seba’ snin fil-Kabinett, hija kruċjali biex il-mexxej il-ġdid jibda jaħdem mill-ewwel jum li jinħatar.
Fearne qal li jrid Gvern b’saħħtu li jkompli jimplimenta l-manifest elettorali tal-2017, li partijiet minnu kitbu hu stess, tant li l-għaxar prioritajiet tiegħu huma imsejsa fuq dan il-manifest stess.
Chris Fearne stqarr li qed jikkontesta t-tmexxija għax jemmen li hu bniedem b’esperjenza li jirrifletti l-valuri tal-Partit Laburista, fosthom li jiġi eradikat il-faqar u jkompli jinħoloq il-ġid, dak li wara kollox beda Joseph Muscat.
“Qiegħed hawn biex immexxi partit rebbieħ li se jkompli jirbaħ l-elezzjonijiet. Ma niddejqux ngħidu li ħa nkomplu nirbħu l-elezzjonijiet. Intom tafuni għax jiena kbura b’pajjiżi. Intom tafuni għax jiena kburi bikom. Intom tafuni għax jiena kburi li jien Malti. Intom tafuni għax jiena kburi li jien Laburist. Nirringrazzjakom, kunu miegħi f’dan il-vjaġġ sabiħ ħalli nerġgħu nibqgħu rebbiħin f’Malta u Għawdex kollu.”
Temm jisħaq fuq il-bżonn tal-kontinwità u kif hu jista’ joffri dan lill-Partit Laburista u lill-Gvern, b’maturita, lealta, esperjenza u għaqda.