Il-komunità Musulmana Ahmadiyya tħejji ikla għan-nanniet Maltin – One News

Notifiki

Il-komunità Musulmana Ahmadiyya tħejji ikla għan-nanniet Maltin

Kull ma jmur l-għarfien u l-kuxjenza dwar is-solitudni, anki f’dawn il-festi qed ikompli jiżdied.

Fil-fatt tul dawn iż-żminijiet, dawk immaġinati ingħataw il-wens iżda fis-silenzju xorta jkun hemm min jibqa’ jbati għaliex jinsab waħdu.

Fost dawn hemm l-anzjani, li huma fost dawk l-aktar vulnerabbli u li jintlaqtu minn din il-pjaga tas-solitudni.

Fiċ-Ċentru Familja Mqaddsa tal-Imsida madwar mitt anzjan u anzjana, li ħafna minnhom jgħixu fis-solitudni nġabru flimkien bħala familja waħda waqt ikla. Din l-ikla saret b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Nanniet Malta u l-Komunità Ahmadiyya Musulmana f’Malta.

Il-President tal-Fondazzjoni Nanniet Malta, Philip Chircop qal ma’ ONE News li din l-idea nibtet wara li huwa iltaqa’ mal-Imam tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana.

“Aħna l-fatt li qed niltaqu hawnhekk, l-Imam sajjar għal kulħadd u n-nanniet ġew bi ħġarhom speċjalment dawk li jinsabu waħdihom u jħossuhom naqa abbandunati fil-familja, illum qed nagħmlu dan il-ġest sabiħ biex nindirizzaw is-solitudni.” Stqarr Philip Chircop.

L-ikla għal dawn l-anzjani nkludiet platt ross, laħam taċ-ċanġa u biċċa tiġieġa msajra b’mod tradizzjonali, kif tissajjar fil-komunità Musulmana.

L-anzjani dehru kuntenti jieklu ikel bnin filwaqt li qalu kelma u tnejn bejniethom.

Ma naqsux ir-rakkonti dwar iż-żmien ta’ dari.

Intant l-Imam tal-Komunità Musulmana Ahmadiyya tkellem dwar l-għan ta’ din l-ikla li għalkemm tiċċelebra l-festa Kristjana tal-Milied, għalih il-ġabra tan-nies flimkien m’għandiex tifred twemmin reliġjuż ma’ ieħor.

“F’dawn il-ġranet tal-festi hemm ħafna nies li hemm fis-solitudni, li huma waħidhom u hemm veru ftit nies li jmorru għandhom u jaqsmu dawn il-mumenti ta’ ferħ. Aħna l-Kommunita tagħna, Ahmadiyya Musulmana ħassejna wkoll li meta ngħixu f’din is-soċjetà, huwa importanti naqsmu dawn il-ġranet ta’ ferħ ta’ festi flimkien.” Saħaq l-Imam.

Matul dawn iż-żminijiet ta’ festi, il-komunità Ahmadiyya qed tagħmel diversi attivitajiet u toffri s-solidarjetà tagħha ma’ nies vulnerabbli.

Fost l-oħrajn,  marret tgħin lil Caritas f’San Blas u tat sehem qawwi fl-ikla li ġiet organizzata mill-istess Caritas nhar il-Milied.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend