Tmiem is-sena traġiku għall-familja li tilfet lil binha ta’ 7 snin f’inċident traġiku li seħħ f’barriera li tinsab fl-inħawi ta’ Ta’ Kandja. L-inċident sfortunat seħħ għall-ħabta tas-07:05 meta għal xi raġuni, it-tifel intlaqat minn gaffa. Xhieda fuq il-post qalu ma’ one.com.mt li l-inċident seħħ wara li l-gaffa li kienet vojta, imxiet weħidha b’lura u laqtet lit-tifel li spiċċa maqbud taħtha. Kien hawn li qarib tat-tifel intebaħ b’dak li kien għadu kif seħħ u tela’ jiġri għall-għajnuna fil-kwartieri tar-Rapid Intervention Unit li jinsab tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn inħasdet il-ħajja traġika ta’ dan it-tifel.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei mmexxi mit-tabib Dr Jonathan Joslin, iżda sfortunatament it-tifel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ħatret bosta esperti biex jgħinuha fl-inkjesta. Fost oħrajn l-esperti għad iridu jistabbilixxu d-dinamika tal-inċident sfortunat.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.