Tork ta’ 31 sena li jgħix f’Tas-Sliema nżamm arrestat wara li allegatament ħebb għal Pulizija. Il-każ seħħ għal ħabta tas-siegħa tal-Ħadd filgħodu fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan.
Mill-ewwel investigazzjonijiet li għamlu l-pulizija rriżulta li sid ta’ stabbiliment talab għal għajnuna tal-Pulizija li kien hemm persuna, li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, li ma ridietx toħroġ mill-istabbiliment tiegħu. Il-pulizija marru fuq il-post, il-persuna ntalbet biex toħroġ mill-post, iżda rriffjuta. Hawnhekk, Kuntistabbli tal-Pulizija qal lit-Tork biex joħroġ mill-istabbiliment iżda dan irrifjuta. Kien hawn li r-raġel qabad lil Kuntistabbli minn għonqu u pprova jimbuttah. F’dan il-mument, persuna oħra, li ġiet identifikata bħala Brażiljana ta’ 39 sena, li toqgħod il-Gżira, bdiet iżżomm lil Kunstistabbli minn wara.
Ir-raġel ġie arrestat fuq il-post u ttieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar stħarriġ. Għall-ewwel, ir-raġel irrifjuta li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u anke rrifjuta li jidentifika lilu nnifsu. Wara ċertu ħin, it-Tork ipprovda lill-Pulizija b’dokument ta’ identifikazzjoni.
Aktar tard, ir-raġel ġie eskortat lejn il-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana. Mhux eskluż li jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin. Il-Kuntistabbli tal-Pulizija ma’ weġġax.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.