Il-Kunsill Lokali Laburista tal-Qala qiegħed jappella mill-ġdid u jitlob għas-sospensjoni immedjata tal-permess ta’ żvilupp ta’ villa fl-inħawi ta’ Ħal-Muxi fil-Qala.
Il-Kunsill Lokali tal-Qala kien ħareġ kontra d-deċiżjoni tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li kien ta permess sabiex tinbena villa minflok kmajra li tinsab barra ż-żona tal-iżvilupp fil-limiti tal-lokal.
Wara li kien ingħata l-permess qamet kontroversja li kienet wasslet lill-iżviluppatur Joseph Portelli biex joħroġ jgħid li rtira l-permess iżda l-permess kien għadu jidher sa ftit taż-żmien ilu.
Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg spjega wkoll raġunijiet għalfejn qed isir l-appell, fosthom biex ma jqumux preċedenti oħra fil-futur.
Qal kif “Ir-raġuni għalfejn il-Kunsill tal-Qala għamel l-appell fuq din il-villa li ġiet approvata kienet l-aktar li l-ewwel nett dik l-area m’hemm xejn li huwa mibni. It-tieni nett ser ikun preċedent ikrah għal ħafna postijiet f’Malta u Għawdex.”
Is-Sindku Laburista qal li l-każ dwar din l-applikazzjoni hija simili għall-applikazzjoni sabiex isir żvilupp għal skopijiet turistiċi fil-bajja pittoreska ta’ Ħondoq ir-Rummien.
L-appell mill-Kunsill Lokali tal-Qala sar flimkien mal-Fondazzjoni Din l-Art Ħelwa u l-għaqda Nature Trust.