Il-gazzetta The Times of Malta naqset milli tippubblika l-istorja dwar it-tkeċċija ta’ Ivan Camilleri fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook.
Kmieni l-Ġimgħa filgħodu, il-gazzetta maltatoday żvelat li allegatament il-ġurnalist tat-Times Ivan Camilleri għarraf lil Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia li l-Pulizija kienu qegħdin warajh. Dan lejlet li Fenech ġie arrestat b’invtervent f’waqtu mill-forzi tal-ordni Maltin li ħafna drabi jispiċċaw fil-mira ta’ din l-istess gazzetta.
L-involviment ta’ ġurnalist fil-każ sar magħruf waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech meta l-Ispettur Arnaud ġie mistoqsi dwar kuntatti li saru bejn ġurnalist u Yorgen Fenceh innifsu.
L-ispettur Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Caruana Galizia qal li ja kienx ċert u saħaq li jaħseb li Fenech ġie mgħarraf dwar dak li qed jiġri minn fuq l-aħbarijiet u għalhekk iddeċieda li jitlaq minn Malta.
Iżda, il-MaltaToday żvelat li l-Pulizija sabet messaġġi fuq WhatsApp li kienu jsemmu lil ċertu “Ivan,” li kien wissa lil Fenech dwar l-arrest tiegħu. ‘Ivan’ issemma’ fil-messaġġi bejn Fenech u zijuh Ray Fenech.
Meta kkuntatjat mill-MaltaToday, Ivan Camilleri ma kkummentax u qal biss li se jkun qed jiġġieled dik li sejjaħ bħala “it-tkeċċija inġusta.”
B’reazzjoni għal din l-istorja, The Times of Malta ħarġet stqarrija u qalet li kienet qiegħda tkeċċi lil Ivan Camilleri mill-kamra tal-aħbarijiet tagħha. Dan wara li qalet li waslulha bosta fatti dwar diversi każijiet fil-konfront ta’ Camilleri.
Madankollu, qarrejja ta’ din il-gazzetta innotaw li The Times, naqset milli tgħarraf lill-qarrejja tagħha fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook.
“Hu ironiku li kull nitfa ta’ allegazzjonijiet dwar membri tal-Gvern issibha malajr fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ The Times, iżda aħbar bħal din li tikkonċerna proprju ġurnalist tagħha li tkeċċa mill-kamra tal-aħarbijiet tagħha b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għażlu li jiċċensurawha minn fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook. Daqshekk huma kredibbli”, innota l-qarrej.