Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biss għandu jingħata kopja tal-inkjesta Egrant, iżda qablet mal-Avukat Ġenerali li r-rapport tal-inkjesta m’għandux jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu.
Id-deċiżjoni ngħatat it-Tnejn filgħodu mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul f’kawża li l-Kap Nazzjonalista fetaħ kontra l-Avukat Ġenerali.
F’sentenza ta’ 45 paġna, l-imħallfin emendaw id-deċiżjoni tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kienet ċaħdet it-talba ta’ Delia li min-naħa tiegħu appella mid-deċiżjoni.
Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li l-Avukat Ġenerali jgħaddi kopja tal-inkjesta biss lil Delia biex jagħmel użu korrett minnha kif diġà għamel il-Prim Ministru bħala l-persuna li talab minn jeddu din l-inkjesta.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li minkejja l-konsiderazzjonjiet legali, il-Prim Ministru Joseph Muscat talab li l-Inkjesta tiġi ppubblikata fl-intier tagħha bis-salvagwardji meħtieġa.
Fakkar li l-Avukat Ġenerali kien ta l-parir li r-rapport sħiħ m’għandux jiġi ppubblikat bil-għan li ma jkunux ippreġudikati l-investigazzjonijiet li għaddejjin fuq il-fatti li stabbilixxa l-maġistrat.
Il-Prim Ministru talab lill-Kummissarju tal-Liġijiet l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi biex jistudja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u jissuġġerixxi mod kif dan ir-rapport jista’ jiġi wkoll ippubblikat mingħajr ma jinħolqu preġudizzji fl-investigazzjonijiet u fejn jidħlu dettalji privati ta’ persuni li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ.
Il-konklużjonijiet tal-istess Inkjesta Maġisterjali kienu ġew ippublikati fit-22 ta’ Lulju 2018 u urew kif l-allegazzjoni li l-kumpanija Egrant hija proprjeta tal-familja Muscat kienet gidba ffabrikata b’dokumenti foloz.
Intant fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs għadda kopja tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni wara li saru u ġew iċċertifikati l-kopji tad-dokument.
http://www.one.com.mt/2019/12/16/il-qorti-tordna-li-delia-jinghata-kopja-tal-inkjesta-egrant-izda-ma-jistax-jippubblikaha/