Edizzjoni speċjali tal-programm televiżiv Ħadd Għalik fuq TVM li kellha tixxandar il-Ħadd waranofsinhar ma xxandritx wara li l-Partit Nazzjonalista għamel pressjoni kbira biex id-deputati tiegħu ma jidhrux flimkien mad-deputati tal-Gvern.
Il-programm li kellu t-tema tal-festi tal-Milied ġie rrekordjat fl-aħħar ġimgħat u kien mistenni li jixxandar il-Ħadd fis-1.00 p.m.
Fil-programm ħadu sehem żewġ membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u l-membri parlamentari Laburisti Clifton Grima u Rosianne Cutajar. Huma kien f’team wieħed jikkompetu ma’ erba’ personalitajiet magħrufa li jagħmlu l-parti tad-dama fil-pantomini li jittellgħu f’dawn iż-żmijiet ta’ festi.
Madankollu hekk kif żvela one.com.mt, għall-ħabta tal-10.00 a.m. fil-Partit Nazzjonalista biet għaddejja battalja sħiħa biex din l-edizzjoni speċjali tal-programm ma tixxandarx.
Sorsi fil-Partit Nazzjoanlista żvelaw ma’ one.com.mt li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għamlet pressjoni kbira fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex jitħassar il-programm biex ma jintbagħatx messaġġ ta’ poplu magħqud anke f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Saħansitra l-Partit Nazzjonalista kiteb lill-Awtorità tax-Xandir biex iwaqqaf dan il-programm li min-naħa tagħha kitbet lill-Public Broadcasting Services u għarfitha li ma kinitx qiegħda tilqa’ t-talba li għamlilha l-Partit Nazzjonalista u l-programm Ħadd Għalik kellu jixxandar kif ġie rrekordjat.
Madankollu fuq post fuq il-paġna ta’ Facebook tal-programm, il-preżentattriċi tal-programm Angie Laus ħabbret li l-programm li kellu jidher il-Ħadd ma kienx se jixxandar b’deċiżjoni tal-PBS wara li l-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista talbu li huma ma jiġux jidhru li qegħdin jipparteċipaw fil-programm.
Hija qalet li jiddispjaċiha ħafna għall-parteċipanti l-oħra, id-deputati Clifton Grima u Rosianne Cutajar kif ukoll id-dami li ipparteċipaw f’dan il-programm speċjali.