Folla numeruza nġabret fi Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat Għawdex sabiex għall-aħħar darba ssellem lill-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat, f’sensiela oħra ta’ żjarat fil-lokalitajiet Maltin u Ghawdxin.
Fl-indirizz tiegħu u fl-isfond tal-għajta “Joseph Joseph” il-Prim Ministru qal li Għawdex issa saret id-dar naturali tal-politika progressiva.
Il-Mexxej Laburista saħaq li waħda mill-akbar kisbiet li saru f’ dawn l-aħħar snin tiegħu bħala Prim Ministru hija li trasforma l-mappa ta’ dan il-pajjiż, li issa f’Malta u Għawdex ma baqax qasma
minħabba l-orjentazzjoni politika iżda kburi li l-pajjiż kollu issa jxaqleb lejn il-Moviment Laburista.
Tenna kif l-għan tiegħu għaxar snin ilu kien li Għawdex ikollu maġġoranza Laburista u qal li din il-ħolma saret realtà hekk kif għal żewg elezzjonijiet wara xulxin il-Partit Labursita kiseb maġġoranzi kbar.
Semma żewg investimenti kbar li saru f’Għawdex fosthom dik tal-iskola ta’ Barts u li fabbrika antika inbidlet f’ċentru tal-investiment u t-teknoloġija. Għal darba oħra tenna li hu ser jibqa leali għal min ġej warajh u li ser itih spazju biex jibni paġna ġdida għal dan il-moviment b’saħtu.