Suldati mweġġa’ bi kliem ta’ mibegħda – One News

Notifiki

Suldati mweġġa’ bi kliem ta’ mibegħda


Il-protesta li saret il-Ġimgħa filgħodu fil-Belt waqt iċ-ċerimonja tar-Repubblika, saret mingħajr permess.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li sakemm saret il-protesta il-ġimgħa filgħodu, l-organizzaturi tagħha ma applikawx għall-permess, kif dejjem irid isir u kif dejjem sar.

Il-Pulizija qalet li jumejn qabel il-protesta saret laqgħa bejn il-Pulizija u l-organizzaturi tal-protesta. Iżda, kif dejjem għamlu, l-organizzaturi din id-darba ma applikawx għall-permess.

Mhux talli ma kellhomx permess, imma n-nies tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil infexxu jgħajru u jinsolentaw b’ħanġra kbira lis-suldati waqt il-parata tal-Repubblikka. Saħħansittra għajjruhom mafjużi.

B’reazzjoni, uffiċjali tal-Armata esprimew id-dispjaċir tagħhom għat-tgħajjir u l-insulti li qalgħu minn dawn in-nies, għax sempliċimenti kienu qegħdin jagħmlu xogħolhom.

Il-Garrison Sergeant Major Roger Mulvaney qal li ħassu ddisgustat għan-nuqqas ta’ rispett li wrew lejn il-forzi Armati ta’ Malta u lejn l-innu nazzjonali ta’ pajjiżna fejn minflok kantaw miegħu nfexxu jsaffru u jibbuwjaw.

Kiteb li waqt li bdew jimmarċjaw fit-triq ir-Repubblikka, mhux biss ġew mgħajra iżda tefgħulhom affarijiet lejhom bħal flus foloz.

Madankollu kiteb li l-iktar li nħasad kien meta ra mara b’tifel ta’ sitt snin magħha, tgħajjar bi kliem ta’ mibegħda lil dawn l-uffiċjali. Qal li qatt mhu se jinsa l-ħarsa ta’ mibegħda li kellu fuq wiċċu dan iċ-ċkejken fuq ħarstu.

Mulvaney qal li ilu 31 sena jservi fl-Armata, b’lealtà u rispett. Qal li tul il-karriera tiegħu, irriskja ħajtu biex isalva ħajjet in-nies, f’baħar imqalleb u min jaf kemm-il darba kien trawmatizat b’dak li kien jara f’ħidmietu.

“Shame on you all. No one should ever disrespect our National Athem and our colours” – kiteb Roger Mulvaney imweġġa’ b’dak li għadda minnu hu u s-suldati sħabu l-Ġimgħa filgħodu.

Miegħu kiteb ukoll Antoine Scerri, uffiċjal fl-Armata li l-parata tal-Ġimgħa kienet l-aħħar waħda għalih.

Qal li huwa kburi li kien skorta tal-bandiera Maltija, il-bandiera li kull Malti għandu jiddefendi u jonora.

Kiteb li kien iddisgustat għat-tgħajjir li sar lejn s-suldati li jagħtu servizz lil pajjiż.

Filwaqt li qal li jistenna skuża għat-tgħajjir u n-nuqqas ta’ rispett li qalgħu hu u sħabu.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Il-marmalja frustrata ta’ Simon Busuttil qed tkompli tferrex il-hdura u mibgheda billi timxi fuq il-legat li halliet warajha Daphne Caruana Galizia.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend