Jinżammu arrestati wara rewwixta f’Ħal Safi – One News

Jinżammu arrestati wara rewwixta f’Ħal Safi

Disa’ immigranti nżammu arrestati wara li għamlu rewwixta fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi nhar il-Ħamis li għadda. Huma ġew akkużati li wettqu ħsara li tammonta għall-€2,500 u li m’obdewx l-ordnijiet tal-pulizija filwaqt li ħebbew għalihom u heddewhom. L-Ispettur Roderick Attard, spjega fil-Qorti kif huma ġew arrestati wara li bdew iwaddbu xi oġġetti lejn il-pulizija. Waqt li l-Qorti kienet qed tidentifka lill-akkużati tqajjem il-punt li kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-ismijiet tal-akkużati li preżenta l-pulizija u l-ismijiet li kellhom tnejn mill-immigranti fuq id-dokumenti tal-identifikazzjoni tagħhom. Wara li s-seduta twaqqfet għal madwar kwarta, l-Ispettur Roderick Attard irtira l-akkużi diġà preżentati fl-atti u ppreżenta oħrajn ġodda. L-avukat tal-għajnuna legali, Mark Mifsud Cutajar, li deher għall-akkużati kkontesta l-validità tal-arrest għaż-żewġ akkużati li kien sarilhom l-iżball f’isimhom.

Huwa stqarr li ladarba kien hemm l-isem il-ħażin anke fuq l-istqarrija tagħhom mal-pulizija l-arrest tagħhom ma setax ikun validu għaliex ma setgħux jitressqu b’isem li mhux tagħhom. L-Ispettur iżda saħaq li peress li huma kienu ġew identifikati u arrestati waqt li kienu qed iwettqu l-allegati reati l-arresti kellhom ikunu validi.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kkonvalidad l-arrest minħabba li għalkemm kien hemm żball fl-isem, il-persuni mressqa fl-awla kienu l-istess persuni li kienu għamlu l-istqarrija mal-pulizija tul l-investigazzjonijiet.

Id-disa’ immigranti wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom filwaqt li ma saritx talba għal-ħelsien mill-arrest.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend