Riħ li ma naddafx biss il-qiegħa – One News

Notifiki

Riħ li ma naddafx biss il-qiegħa


Ir-riħ mill-Majjistral li laqat il-gżejjer Maltin laħaq il-forza 9, bil-buffuri jilħqu forza 11. Dan kollu kawża ta’ pressjoni baxxa qawwija li mill-Italja ta’ fuq resqet lejn pajjiżna u minħabba l-pressjoni għolja fin-naħa tal-Punent fil-gżejjer Maltin, ir-riżultat kien riħ qawwi.

Minkejja l-maltemp fl-ewwel nofs ta’ nhar tas-Sibt, ir-riħ kien mistenni jbatti għal forza 7 aktar tard mal-jum filwaqt li l-jum tal-Ħadd ir-riħ ibatti għal ħafif.

ONE News tkellem mal-Meteorologu Mark Vella Gera li spjega l-aktar postijiet milquta b’mod speċjali madwar il-kosta Maltija.

Vella gera fisser li “Ħafna postijiet jintlaqtu, biss l-aktar li jintlaqtu, in-naħa t’Għawdex għandek Marsalforn anke minħabba li ma għandekx il-break water, ilu mhux ħażin issa bla breakwater, jaħkem sew Marsalforn. Ġifieri wieħed għandu jieħu l-prekawzjonijiet u ma jmurx fejn il-baħar. In-naħa ta’ Malta; in-naħa taċ-Ċirkewwa, għajn Tuffieħa u l-Ġnejna, dawk l-aktar li jinħakmu. Ovvjament matul il-kosta, Tas-Sliema u x-Xgħira, ovvjament hemm jinħakmu wkoll, ikun laġenba ġej imma xorta waħda l-baħar jidħol b’qawwa ċertu postijiet.”

Ir-riħ qawwi kkawża ħsarat f’bosta postijiet pubbliċi u postijiet viċin il-baħar. B’xorti tajba jidher li ħadd ma’ weġġa’ wara li fiċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far inqelbu xi kontejners bil-qawwa tar-riħ waqt li kien hemm xi persuni fihom. Dawn irnexxielhom joħorġu mingħajr ma ġarbu ġrieħi.

Wara jumejn biss li kien fetaħ, l-avveniment tal-Milied Fairyland fi Pjazza Tritorni ġarrab ħsarat estensivi, tant li xi wħud mill-attrazzjonijiet tneħħew bħala prekawzjoni.

Il-kumpanija Gozo Channel ħabbret fuq il-midja soċjali li minħabba r-riħ qawwi l-frekwenza tal-operat ġie affetwat minħabba li r-rotta kellha tinbidel u tgħaddi minn wara Kemmuna.

Il-Pulizija ta’ Malta wkoll wisset lis-sewwieqa biex isuqu b’kawtela hekk kif daħlulhom għadd ta’ rapporti ta’ siġar jitqaċtu kawża tar-riefnu u li setgħu jipperikolaw ħajjet is-sewwieqa b’mod speċjali ta’ dawk li jsuqu l-muturi.

Matul il-jum tas-sibt kien hemm bosta postijiet li ġarbu ħsarat, fosthom it-tinda protettiva tat-Tempji ta’ Ħaġar Qim fil-Qrendi, dan seħħ fl-3.45 ta’ wara nofsinhar. Anke t-tinda tal-grawnd taċ-Ċentinarju wkoll ġarrbet xi ħsarat kawża tal-Maltemp, tant li l-logħob tal-Premier li kien skedat għal-lum ġie pospost.


Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend