Il-kandidat għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit Labusita, u eventwalment Prim Ministru ta’ pajjiżna, Chris Fearne, saħaq li se jara li l-pagi ta’ kull min jaħdem f’entità, dipartiment jew Ministeru tal-Gvern ikunu ugwali.
F’intervista fuq Indepth, Chris Fearne qal li jekk ikun Prim Ministru, jara li jidħol fis-seħħ il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali.
Spjega li hawn eluf ta’ ħaddiema li huma impjegati mal-kuntratturi imma jagħtu xogħol f’entitajiet tal-Gvern. Xogħol li jkun l-istess bħalma jagħmlu l-ħaddiema tal-Gvern, imma li għalih jitħallsu inqas.
“Jiena nara li l-ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu f’entitajiet tal-Gvern – kemm Dipartimenti u anki entitajiet oħrajn jingħataw l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol, l-istess paga bażika, l-istess rata ta’ overtime, l-istess allowances, l-istess incriments, biex b’hekk inkunu qegħdin ngħollu firxa ta’ ħaddiema li llum jgħixu b’paga ta’ 900 fix-xahar kważi fuq preċepizzju tal-faqar.”
Spjega li dan l-eżerċizzju diġà għamlu fil-Ministeru tiegħu, u jekk ikun fit-tmun tal-pajjiż, jagħmlu f’kull Dipartiment u Ministeru – mhux biss fejn tidħol paga imma wkoll allowances u sahra.
Miżura li jistma li tiswa mal-għaxar miljuni, iżda Chris Fearne qal li għalhekk hemm is-surplus.
Fl-istess intervista, Chris Fearne qal li parti kbira tas-soċjetà Maltija tidentifika ruħha mal-Partit Laburista, u qal li dan l-aspett irid jinżamm u jissaħħaħ.