Żieda ta’ 10,484 impjieg ġdid fis-settur privat – One News

Notifiki

Żieda ta’ 10,484 impjieg ġdid fis-settur privat

Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li sal-aħħar ta’ Lulju li għadda l-impjiegi full-time żdiedu b’5.4% meta mqabbel ma’ Lulju tas-sena li għaddiet.

Dan ifisser li sal-aħħar ta’ Lulju li għadda, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna laħaq l-221,029.

Skont iċ-ċifri pprovduti mill-Aġenzija tax-Xogħol JobsPlus jirriżulta li bejn Lulju tas-sena l-oħra u Lulju li għadda, l-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’10,484 ruħ.

Iċ-ċifri juru li l-ħaddiema fis-settur privat telgħu għal 171,209 filwaqt li fis-settur pubbliku kien hemm ftit aktar minn 48,000 ruħ.

Imqabbel ma’ Lulju tas-sena l-oħra, l-aktar żidiet kienu fl-oqsma tas-servizzi u amministrattivi b’żieda ta’ aktar minn 1,700 ruħ u fis-settur tal-kostruzzjoni b’żieda ta’ kważi 1,700.

L-NSO żied jgħid li l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom komplew jiżdiedu tant li f’perjodu ta’ 12-il xahar żdiedu b’aktar minn 1,400 ruħ.

L-istatistika turi wkoll li waqt li s-suq tax-xogħol kellu żieda ta’ kważi 11,200 ruħ, fl-istess waqt il-persuni qiegħda naqsu b’174 ruħ.

Joħroġ ukoll li s-suq tax-xogħol kellu wkoll żieda ta’ 1% fil-ħaddiema rreġistrati b’xogħol part-time.

Mir-rekords amministrattivi tal-aġenzija tax-xogħol joħroġ ukoll li f’Lulju li għadda, il-ħaddiema li kellhom impjieg full-time u part-time żdiedu bi kważi 10% u qabżu d-29,000 ruħ u ftit aktar minn 38,000 oħra kellhom part-time biss bħala x-xogħol regolari tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend