“Yorgen Fenech ta’ Tumas qabbadni noqtolha, għalija hu l-mandant” – One News

“Yorgen Fenech ta’ Tumas qabbadni noqtolha, għalija hu l-mandant”


F’seduta oħra li matulha kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-tliet eżekuturi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil bies is-salib u ħalef li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri la qatt semmielu lil Caruana Galizia, la qatt qallu biex joqtolha u lanqas qatt tah xi flus biex jitwettaq dan id-delitt.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit Theuma li ngħata l-proklama biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil xehed: “Yorgen Fenech ta’ Tumas qabbadni noqtolha, għalija hu l-mandant.”

Theuma qal dan fit-tieni xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda ta’ tliet ezekuturi fil-qtil l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat.

Melvin Theuma li jaħdem bħala xufier ta’ taxi, qal li hu ma jafx x’kien hemm bejn in-negozjant Fenech u Keith Schembri dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, imma ħalef li Schembri qatt ma qabdu joqtolha u kien Fenech li beda jgħamillu pressjoni biex tinqatel.

Id-Deputat Nazzjonalista u l-Avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi staqsa għadd ta’ mistoqsijiet lil Melvin Theuma.

B’Theuma viżibbilment emozzjonat qal – “Yorgen Fenech huwa l-agħar bniedem li hawn fid-dinja għax kieku vera kien ħabib tiegħi ma kienx iddaħħalni f’dan kollu.”

Xehed li f’dawn is-sentejn ħajtu nbidlet għall-agħar u spiċċa bil-kalmanti.

Qal li issa jaf x’ħassu wlied Caruana Galizia għax anki hu beda jaħseb li se jitlef it-tifel tiegħu, wara li għadda minn dan kollu. B’Theuma qal li beda jaħseb li Fenech kien se joqtlu jew jitfgħu l-ħabs, minħabba li kien jgħid li sieħbu huwa Keith Schembri.

Dwar tagħrif mill-investigazzjonijiet tal-pulizija li kien qiegħed jasal għand Fenech, Theuma xehed li ma kienx jaf min kien qiegħed jagħtiha u ma setax jgħid bil-ġurament li kien Schembri.

Qal li f’April tas-sena l-oħra, Yorgen qallu li sar jaf li Vince Muscat kien qed jitkellem mal-pulizija u se jagħti l-informazzjoni kollha. Xehed li Fenech qallu: ħażina ġejja, meta sar jaf li l-kabinett kien qed jiddiskuti l-possibilità li Muscat jingħata l-proklama.

Qal li dakinhar Fenech qallu li Schembri kien qiegħed jgħinu, għax qallu li Keith kien jidħol fin-nar għalih.

Wara din il-konversazzjoni Theuma ddeċieda li jibda jirrekordja l-konversazzjonijiet li jkollu ma’ Fenech.

Melvin Theuma qal li darba minnhom fuq l-aħbarijiet sema’ li l-laptop ta’ Caruana Galizia kienu se jieħduh il-Ġermanja. Hawnhekk Yorgen qallu: “Aħjar għalija għax dik kitbet fuq ħafna nies u ma jaħsbux li jien.”

Mistoqsi minn Jason Azzopardi dwar l-ittra li Theuma kien ta lil Fenech, Melvin wieġeb li daħħal lil Keith Schembri fiha biex ibeżża’ lil Yorgen. Dan bl-iskop li juriha lil Schembri biex dan jirranġalhom għal bail tat-3 eżekutturi.

Fil-qorti Azzopardi wera ritratt ta’ wieħed mid-Direttur tal-Electrogas, b’Melvin Theuma wieġeb li ġieli waslu bit-taxi l-ajruport u darba kellu laqgħa ma’ Yorgen.

Fis-seduta tal-lum, il-prosekuzzjoni mmexxxija mill-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji l-Ispettur Keith Arnaud, prezentat telefonati, li saru fil-faċilità korettiva ta’ Kordin mill-aħwa Degiorgio li ħuhom Mario li ħdejh kien ikun hemm Theuma jkellem lill-akkużati.

F’telefonata minnhom bejn Alfred u Melvin, ix-xhud jinstema’ jistaqsi lil Alfred kif inhu u dan jgħidlu “Kif aħna, aħna għax-xemx qegħdin bilqiegħda”. Alfred beda jidħaq u qallu, “all right” jiġifieri “mbagħad nkellmek.”

F’telefonata oħra li saret fl-14 ta’ Marzu ta’ din is-sena jissemma wieħed ‘ix-xiħ.’

Melvin Theuma qal li x-xiħ kienet referenza għall-Prim Ministru għax darba qal lil Yorgen li kieku qiegħed fis-sitwazzjoni tiegħu mhux lil Keith Schembri biss ikellem, imma anki lix-xiħ. B’Yorgen jinstema’ jgħidlu li dak ikun l-ikbar żball li jista’ jagħmel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend