Tmut il-kantanta ta’ Roxette – One News

Notifiki

Tmut il-kantanta ta’ Roxette

Id-dinja tal-pop rock m’għadiex li kienet.

Tilfet stilla.

Hekk sostnew bosta wara li tħabbret il-mewt ta’ Marie Fredriksson, waħda miż-żewġ kantanti tad-dwett Roxette.

Kelliem għall-grupp qal li Fredriksson mietet fl-età ta’ 61 sena.

Bosta ddeskrivew l-istilla Svediża bħala mara b’kuraġġ ta’ sur li ġġieldet il-marda tal-kanċer għal 17-il sena sħaħ.

Per Gessle, il-kantant li kien ikanta magħha qal li l-affarijiet qatt mhu se jkunu l-istess.

“Kont ħabiba eċċezzjonali għall-40 sena”, qal Gessle hekk kif sellem il-memorja ta’ Fredriksson.

Roxette jibqa’ dwett popolari li biegħ aktar minn 80 miljun kopja ta’ diski li ħareġ.

Ġejjin mill-belt tal-Isvezja, iltaqgħu fis-snin 70 u mal-ewwel kisbu suċċess hekk kif ħarġu l-kanzunetta ‘Neverending Love’.

Minkejja l-popolarità qawwija tagħhom fl-Iskandinavja, fl-Amerka ħadd ma kien jażżarda jdoqq il-mużika ta’ Roxette sakemm student Amerikan li kien ġie mill-Isvezja ġab diska tagħhom u kkonvinċa preżentatur fuq radju Amerikan biex isemma’ l-mużika ta’ Roxette.

Fil-Milied ta’ 32 sena ilu, Roxette ħarġu l-kanzunetta ‘It Must Have Been Love’.

Intant wara li fl-2005, Fredriksson, omm ukoll ta’ żewġ t’itfal qalet li sejra tajjeb bit-trattament għall-kura tal-kanċer, bdiet b’sensiela ta’ kunċerti li raw massa kbira tan-nies tmur tismagħhom.

Dan intemm ħesrem, tliet snin ilu, meta Roxette waqfu jdoqqu u janimaw lin-nies minħabba li saħħet Fredriksson reġgħet bdiet tmur lura biex illum il-vuċi u l-mużika tagħha hija biss memorja oħra sabiħa ta’ artista li tat ħafna lix-xena mużikali.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend