Strateġija biex l-Afrika tkun sieħeb kummerċjali – One News

Notifiki

Strateġija biex l-Afrika tkun sieħeb kummerċjali

Malta qed tfassal l-ewwel strateġija għall-Afrika, b’konformità sħiħa mal-politika tal-Unjoni Ewropea li tara l-Afrika bħala sieħeb strateġiku kummerċjali.

Dan sostnieh il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Abela tkellem dwar strateġija komprensiva ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika u t-tħejjijiet għal-laqgħa ministerjali u tas-summit li jmiss bejn l-Uunjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana.

Il-Ministru Carmelo Abela spjega: “Item important li kellna fuq l-aġenda kienet l-Afrika. Kif l-Unjoni Ewropea tista’ taħdem mal-kontinent li huwa qrib tal-istess kontinent Ewropew u kif nistgħu ntejbu l-ħidma tagħna fuq livelli differenti u fil-fatt il-ħsieb huwa li aħna bħala Unjoni Ewropea aħna nidħlu fi strateġija ġdida ta’ sħubija mal-kontinent Afrikan u f’dawn iż-żminijiet anki Malta stess qed infasslu strateġija għall-Afrika li ħa tkun għall-ewwel darba li Malta għandha strateġija fuq il-kontinent Afrikan.”

Filwaqt li spjega kif pajjiżna jistenna bil-ħerqa strateġija komprensiva ġdida li tiżgura aġenda pożittiva għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti, il-Ministru Abela tkellem b’enfasi akbar fuq in-nisa u l-bniet, kif ukoll l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru u rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-livelli kollha.

Il-Ministru Abela sostna: “L-importanza li jkun hemm aktar empowerment, li jkun hemm iktar involviment tan-nisa fis-soċjetà tagħna li hija wkoll parti mill-politika tal-Gvern preżenti li aħna jkollna aktar nisa f’livelli differenti, anki f’livelli ta’ tmexxija u allura qed naraw li huma wkoll drittijiet u importanti li mill-inqas nofs il-popolazzjoni għandu jkollha, li huma fl-aħħar mill-aħħar in-nisa u t-tfajliet tagħna.”

Intant il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea qasmu ukoll il-fehmiet tagħhom dwar il-ħidma tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea mar-Rappreżentant Għoli l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Josep Borrell, li għalih din kienet l-ewwel laqgħa tal-Kunsill li mexxa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend