Il-Ministru Carmelo Abela jfaħħar presepju Malti f’Ruma bħala eżerċizzju eċċellenti fid-diplomazija kulturali – One News

Il-Ministru Carmelo Abela jfaħħar presepju Malti f’Ruma bħala eżerċizzju eċċellenti fid-diplomazija kulturali

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ddeskriva wirja ta’ xena oriġinali Maltija (presepju) fil-Bażilika Papali ta’ San Pawl f’Ruma bħala eżempju eċċellenti ta’ diplomazija kulturali, inizjattiva li ġġib in-nies aktar qrib xulxin permezz ta’ apprezzament aħjar kemm tas-similaritajiet u tad-differenzi kulturali tagħhom. Huwa ddeskriva l-presepju, introdott għall-ewwel darba minn San Franġisk t’Assisi fl-1223, bħala simbolu universali tal-messaġġ reali tal-Milied f’Malta, l-Istat tal-Vatikan, l-Italja, u f’ħafna pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Il-wirja qed tkun iffinanzjata b’mod konġunt mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – permezz tal-Fond Kulturali tad-Diplomazija u l-Ministeru għat-Turiżmu, u se tibqa’ miftuħa sas-7 ta’ Jannar 2020. Xogħol oriġinali minn artisti volontarji mill-Klabb tal-Banda St Andrew’s  ta’ Ħal Luqa, Adrian Gatt u Ray Zammit, il-presepju ġie inawgurat uffiċjalment fil-Bażilika nhar is-Sibt mill-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, u l-President tal-Każin tal-Banda,  Charles Attard.  Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm, fost oħrajn, il-Kardinal James Michael Harvey u Fr Roberto Dotta, l-Arċipriet u  l-Abbati tal-Bażilika Papali rispettivament, kif ukoll artisti, membri tal-banda u ħbieb tagħhom.

Il-presepju nbena fl-2017 u din hija t-tielet darba li qed jiġi esibit għall-pubbliku. Oriġinarjament, fl-2017, kien għall-wiri fil-bini tal-Klabb, filwaqt li fl-2018 ġie esibit fil-foyer tal-Parlament Malti. L-ambitu tax-xena hija l-Belt kapitali ta’ Malta, il-Belt Valletta, b’replikazzjonijiet minjatura ta’ diversi binjiet prominenti ġewwa l-belt fosthom il-Berġa ta’ Kastilja, il-knisja tal-Madonna tal-Vitorja, il-fdalijiet tar-Royal Opera House, kif ukoll ftit tradizzjonijiet Maltin. L-ambjent kollu huwa mdawwar bis-swar tal-Belt Valletta u mill-baħar. Il-presepju jirriproduċi wkoll il-kwadru tal-artist Malti Giuseppe Cali, kif jinsab fl-artal tal-Bambina fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa.

Il-figuri jilbsu kostumi tradizzjonali Maltin u jinkludu San Ġorġ Preca mdawwar bit-tfal, fanal eħfef, bejjiegħ tal-ħalib, rgħajja bil-merħliet tagħhom, nisa li jilbsu l-headdress tradizzjonali Malti (għonnella), bejjiegħa ta’ frott u ħaxix, żiemel b’karettun imdendel, u mużiċisti jdoqqu strumenti tradizzjonali Maltin.  Il-figura ta’ Jean de Valette, Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, li warajh imsemmija l-Belt Valletta jilqa’ lil dawk kollha li jżuru dan il-presepju. Irrappreżentat ukoll huwa l-Papa Piju V, Kap tal-Knisja Kattolika u ħakkiem tal-Istati Papali mill-1566 sal-mewt tiegħu fl-1572. Il-Papa Piju V, li kkontribwixxa lejn il-bini tal-Belt Valletta, huwa rappreżentat flimkien mal-perit Taljan u l-Inġinier Militari Francesco Laparelli da  Cortona, assistent ta’ Michelangelo, li ntbagħat mill-Papa biex jissorvelja l-kostruzzjoni tal-Belt Valletta.

Il-Ministru Carmelo Abela, li kien Ruma biex jieħu sehem fid-Djalogu Med-Mediterran organizzat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Esterna Taljana u l-Istitut Taljan għall-Istudji Politiċi Internazzjonali (ISPI), tkellem dwar ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti ta’ Malta mas-Santa Sede, kif tixhed il-laqgħa tal-bieraħ bejn il-Papa Franġisku u l-Prim Ministru Malti. Huwa qal li Malta kienet determinata li tara dawn ir-rabtiet bilaterali msaħħa aktar, anke permezz ta’ inizjattivi oħra ta’ diplomazija kulturali.

Huwa rringrazzja lill-amministrazzjoni tal-Bażilika talli emmnet f’inizjattivi bħal dawn u talli appoġġjat l-wirja tal-presepju u faħħar lill-artisti Maltin għall-kreazzjoni artistika tagħhom, li se tgħin biex jitrawwem aktar il-fehim reċiproku u ħbiberija bejn il-popli.

Ritratti (MFTP)

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend