Il-Forti Sant Anġlu jinbidel f’villaġġ tal-Milied – One News

Notifiki

Il-Forti Sant Anġlu jinbidel f’villaġġ tal-Milied

Dak il-bini li xi darba l-Maltin lanqas biss setgħu jidħlu fih, illum mhux biss huwa miftuħ iżda qiegħed jiċċelebra l-festi tal-Milied.

Dari, il-Forti Sant Anġlu kien ċentru għall-Kavallieri u bażi għall-Ingliżi, u tul dawk il-perjodi fl-istorja ta’ pajjiżna l-Maltin ftit li xejn kellhom aċċess għal dan il-bini estensiv li joffri xenarju spettakolari.

Illum l-forti jinsab f’idejn Heritage Malta li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex il-forti jagħtuh ħajja mill-ġdid, kif spjegat l-uffiċjal ta’ Heritage Malta, Graziella Vella.

“Il-Forti Sant Anġlu kif qiegħed huwa fortizza minnu nnifsu jiġifieri meta tidħol fil-forti speċjalment filgħaxija lluminat u miftuħ f’ħin differenti għandek l-atmosfera tal-Milied għax minnu, b’mod naturali kif qiegħed, il-pożizzjoni kif inhu l-ġeografija tiegħu qisu l-villaġġ tal-Milied. Hija mod ieħor fost l-attivitajiet li nagħmlu kif nagħmlu s-siti u l-mużewijiet tagħna aktar ażżessibbli.”

Tul dan it-tmiem il-ġimgħa l-forti tlibbes għall-ewwel darba b’tiżjin tal-Milied u laqa’ fi ħdanu eluf ta’ nies ħafna minnhom familji biex jiċċelebraw flimkien il-festi.

F’dan il-post storiku spikkaw l-elementi moderni tal-festi fosthom fil-gastronomija, iżda l-element tradizzjonali Malti baqa’ l-favorit mal-viżitaturi hekk kif l-imbuljuta kienet mibjugħa kollha fi ftit sigħat.

Dawk kollha li żaru l-villaġġ tal-Milied kellhom l-opportunità jduru l-forti ma’ gwida filwaqt li ċ-ċkejknin kellhom iċ-ċans jieħdu xi ritratt ma’ Missier il-Milied.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend