Ħax-xjuħ – L-ewwel pantomima b’kast u crew li għandu aktar minn 60 sena – One News

Ħax-xjuħ – L-ewwel pantomima b’kast u crew li għandu aktar minn 60 sena


L-atturi veterani li l-għors tagħhom huwa li jagħtu spettaklu jifqgħu lin-nies bid-daħq fuq il-palk se jingħaqdu flimkien biex itellgħu l-ewwel pantomima, bin-nies kollha involuti jgħoddu iżjed minn sittin sena.

Ħax-Xjuħ hija l-pantomima li se tittella’ fi tmiem din il-ġimgħa ġewwa t-teatru Metanoia f’Ħal Luqa.

Il-pantomima hija miktuba mid-drammaturgu rinomat Tony Cassar Darien filwaqt li ż-żfin se jkun taħt id-direzzjoni ta’ Alison White.

Ma jonqosx li f’din il-pantomima se jkun hemm il-mużika li hija fdata f’idejn is-surmast Paul Abela.

Fost l-atturi rinomati li mistennija jagħtu preżentazzjoni kkulurita hemm  Veronica Farrugia, Joe id-Dulli, Philip Vella, Ray Calleja, Narcy Calamatta, Theresa Gauci u Gwido Fenech.

Din il-pantomina ser titella’ bi sħab mas-Segretarjat Parlamentari għall-anzjanità attiva u l-Ministeru għall-kultura.

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr: “Aħna rridu li l-kultura tmur għand il-poplu Malti u Għawdxi kollu mhux parti mill-poplu imma l-poplu Malti u Għawdxi kollu nkluż l-anzjani tagħna u allura aħna għamilna l-idea li jkun hemm play għall-Milied li tkun magħmula, il-kast ikun kollu magħmul minn anzjani. Biex anke l-anzjani jħossuhom mhux biss spettatturi imma parteċipi f’xi ħaġa kulturali sabiħa bħal din.”

 Id-Direttur tal-produzzjoni Josette Ciappara tenniet li kien hemm mas-sebgħin anzjan li għandhom ‘il fuq minn 60 sena li applikaw.

Minn dawn 40 anzjan ngħataw opportunità biex ikunu parti minn din il-pantomima li fiha hemm persuni li mistennija jkantaw u jiżfnu għall-ewwel darba.

 Ciappara spjegat: “Insejħilha privileġġ għaliex xi ħaġa mhux tas-soltu u r-rispett u l-għaqda li kien hawn u kemm backstage u kemm l-atturi kullħadd jaħdem għal xi ħaġa biex isma dik kif nistgħu ntejjbuha, kif nistgħu nirranġawha. L-bieraħ kellna l-ewwel technical u nista’ ngħidlek li they are ready to go.”

Il-kittieb Tony Cassar Darien tenna kif l-pantomima hija l-eqdem forma ta’ teatru u din se tkun addatata għal familja kollha.

Il-pantomima hija ambjentata fl-Amerka fejn mistennija naraw bosta atturi lebsin ta’ cowboys.

Cassar Darien qal: “L-ewwel ħaġa kullħadd baqa jħares hekk ċass imma wara ftit kullħadd beda jidħak qisha kienet ġa lesta u kullħadd qiegħed jaqraha diġà. Naħseb illi ntlaqa’ tajjeb ħafna. Però naħseb jiena issa trid tara l-ewwel udjenza tagħha u tara kif tmur mal-ewwel udjenza għax hemmhekk tkun taf illi veru rnexxiet.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *