B’investiment ta’ €500,000 l-anzjani li jgħixu fil-komunità se jgawdu minn servizz ta’ respite aktar flessibbli – One News

Notifiki

B’investiment ta’ €500,000 l-anzjani li jgħixu fil-komunità se jgawdu minn servizz ta’ respite aktar flessibbli


B’investiment ta’ nofs miljun ewro fis-sena l-Gvern ħabbar riforma fis-servizz tar-respite għall-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani qraba tagħhom f’darhom stess.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis.

Qal li dan l-investiment se jkun qed jagħmel dan is-servizz aktar flessibbli, hekk kif se jiġu pprovduti ħames mija u erba’ sigħat ta’ servizz ta’ carer bla ħlas fis-sena.

Spjega li r-riforma bdiet titħaddem minn Ottubru li għadda bi twessigħ tas-servizzi, fejn minbarra li għadhom fis-seħħ l-iskemi preżenti, persuna li tieħu ħsieb anzjan jew anzjana fid-dar tagħha tista’ tibbenifika minn ġurnata fil-ġimgħa bil-għajuna ta’ carer bla ħlas fid-dar jew inkella żewġ nofstanhari fil-ġimgħa.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis spjega: “Qegħdin inżidu kullana ta’ servizzi biex nagħtu kemm sapport kemm lill-anzjani tagħna kif ukoll lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Ir-rifroma tal-illum hija intenzjonata biex nieħdu ħsieb lil dawk li qed jieħdu ħsieb lill-anzjani … ħa ntuwhom xahrejn fis-sena billi ħa nonfqu aktar min nofs miljun f’servizzi ta’ respite at home u dan huwa parti mill-politika tagħna fejn irridu nżommu lill-anzjani tagħna attivi fis-soċjetà.” 

Ħabbar li  filwaqt li s-sena li għaddiet kien hemm 228 familja li użaw is-servizz ta’ respite, din is-sena dan tela’ għal 283 familja, tant kemm is-servizz kien wieħed ta’ suċċess.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo De Gabriele semma’ kif dan is-servizz ta’ respite huwa provdut lill-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u li jiddependu fuq membri tal-familja tagħhom fosthom minħabba dimensja jew problemi oħra ta’ saħħa.

“B’din ir-riforma aħna se nkunu qed nagħtu possibiltà ta’ ġurnata sħiħa ta’ 9 sigħat u nofs jew inkella żewġ nofstanhari fil-ġimgħa ta’ 4 sigħat u nofs tul is-sena kollha mingħajr breaking period u dan servizz b’xejn”, sostna De Gabriele.

Dr De Gabriele qal li min għandu bżonn dan is-servizz irid japplika għalih tliet ġimgħat minn qabel biex isir l-assessjar tal-każ ħalli l-kura tingħata kif meħtieġ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend