L-Aġenzija tal-Gvern Infrastrutura Malta lestiet ix-xogħlijiet fi Triq Ħal Qormi li saru b’investiment ta’ miljun ewro. Dan biex it-triq li minn Ħal Qormi twassal lis-sewwieqa sal-Ħamrun tkun aktar sigura u effiċjenti.
L-Aġenzija spjegat li b’dan il-proġett, Triq Ħal Qormi twessgħet għal erba’ karreġġjati, u ġiet installata sistema ta’ barrikati tal-konkrit biex tonqos il-probabbiltà ta’ xi inċident.
Fl-istess ħin it-triq ġiet iddisinnjata mill-ġid biex id-dħul u l-ħruġ bejn it-triq u ż-żewġ roundabouts li hemm ikun jieħu anqas ħin.
Il-miljun ewro investiment ta lok ukoll għall-bini mill-ġdid tal-bankini eżistenti fit-triq, kif ukoll il-bini ta’ banikini ġodda biex kull żona tat-triq toffri aċċess sigur lil min ikun miexi. Kull forma ta’ komunikazzjoni, fosthom l-internet u l-enerġija, issa qed jingħaddu minn taħt it-triq flok minn fuq.
Il-proġett kien jinkludi wkoll il-bini ta’ roundabout ġdida fi Triq it-Tiġrija biex jitjieb l-aċċess li l-karozzi tal-linja għandhom għall-Park and Ride ta’ Ħal Qormi u l-Marsa.