IL-Partit Laburista bl-istess appoġġ tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2017 – One News

Notifiki

IL-Partit Laburista bl-istess appoġġ tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2017

Minkejja ż-żmien diffiċli li għadda minnu l-Partit Laburista fl-aħħar ġimgħat, l-aħħar stħarriġ tal-fehma pubblika juri li l-Partit Laburista għadu jgwadi l-istess appoġġ li kellu fl-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet.

L-istħarriġ li għamlet il-gazzetta MaltaToday u ppubblikat fil-ħarġa tal-lum, wera li d-distakk bejn iż-żewġ partit ewlenin  huwa ta’ 15.5 fil-mija tant li l-Partit Nazzjonalista jgawdi biss l-appoġġ ta’ 27.6% tal-elettorat Malti u Għawdxi, żieda ta’anqas minn punt perċentwali mill-aħħar stħarriġ indipendenti li għamlet il-gazzetta f’Novembru li għadda.

Il-Partit Laburista jgawdi maġġoranza akbar mill-Partit Nazzjonalista fost l-etajiet u l-ġeneri kollha tal-persuni li pparteċipaw f’dan l-istudju. L-aktar reġjun li jagħti l-appoġġ lill-Partit Laburista baqa’ dak tan-Nofsinhar ta’ Malta, filwaqt li żamm l-appoġġ ta’ 84.4% tal-persuni li vvotaw għall-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Kuntrast qawwi mas-sitwazzjoni għall-Partit Nazzjonalista li żamm biss 65.2% tal-appoġġ li kiseb fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

B’hekk, tgħid il-MaltaToday, l-aħħar żviluppi b’rabta mal-każ tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia ftit li xejn xekklu l-appoġġ li jgawdi l-Partit Laburista fil-gvern hekk kif il-poplu Malti baqa’ ma jqiesx lill-Partit Nazzjonalista bħala alternattiva viabbli.

Il-gazzetta spjegat li mexxiet l-istħarriġ bejn it-2 u s-6 ta’ Diċembru li għadda, immedjatament wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li kien se jibda l-proċess biex il-Partit Laburista jaħtar mexxej ġdid, li eventwalment jinħatar ukoll bħala Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend