Għada jiftħu n-nomini għall-mexxej tal-Partit Laburista – One News

Notifiki

Għada jiftħu n-nomini għall-mexxej tal-Partit Laburista

Minn għada se jkunu qed jintlaqgħu n-nomini għall-Mexxej tal-Partit Laburista. In-nomini, li jintlaqgħu mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista, jagħlqu l-Erbgħa filgħaxija. L-elezzjoni għall-ħatra ta’ Mexxej tal-Partit Laburista hija regolata mill-istatut u l-Kummissjoni Elettorali tilqa’ nominazzjonijiet minn fost il-membri kollha tal-Partit. Il-proponent u s-sekondant għal dik in-nomina jridu jkunu Delegati tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.

Jekk ikun hemm iktar minn żewġ nomini allura titlaqqa’ konferenza ġenerali bil-għan li d-delegati jniżżlu n-numru ta’ kandidati għal tnejn, filwaqt li jekk ikun hemm żewġ kandidati biss allura l-votazzjoni ssir mill-ewwel fil-Kungress tal-Partit Laburista li fost oħrajn huwa magħmul ukoll mill-membri tal-Partit Laburista. Dejjem skont l-istatut, jekk ikun hemm kontestant wieħed ikun jeħtieġlu l-vot tal-Konferenza Ġenerali.

Din il-konferma jkun jeħtieġ li jkollha l-appoġġ ta’ 50%+1 tal-voti validi mixħuta. Minn tagħrif li għandha l-gazzetta KullĦadd jirriżulta li hemm 776 delegat tal-Konferenza Ġenerali. Filwaqt li hemm madwar 10,000 membru li diġà huma eleġibbli li jivvutaw għall-mexxej f’każ ta’ żewġ kontestanti jew iktar. Dan għax ilhom ħames snin konsekuttivi mħallsa. Hemm membri li mhumiex regolari b’dan il-mod iżda li għandhom ċans jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom skont l-istatut.

Potenzjalment dan jista’ jtella’ n-numru għal madwar 20,000. Dan il-proċess kien meħtieġ wara li nhar il-Ħadd li għadda, f’messaġġ lin-nazzjon, il-Prim Ministru ħabbar li kiteb lill-President tal-Partit Laburista bil-għan li jinbeda proċess li għandu jwassal għal ħatra ta’ mexxej ġdid. Joseph Muscat qal: “Kif kont għedt minn qabel sirt Mexxej tal-Partit Laburista, nemmen li Prim Ministru m’għandux jagħmel iktar minn żewġ leġiżlaturi. Issa wasal dak iż-żmien li nipprattika anki din il-parti ta’ li nemmen. Fiżżmien li ġej se nkunu qed intellqu proċess biex pajjiżna jkollu Prim Ministru ġdid.” Joseph Muscat tkellem dwar kif bħala Prim Ministru u bħala Malti u Għawdxi, ħabb pajjiżu.

“Naf li l-maġġoranza l-kbira tal-poplu Malti u Għawdxi kienet u għadha tafda fija. Ta’ dan nirringrazzjakom minn qalbi. Minħabba din il-fiduċja kien hemm min staqsieni għaliex issa. It-tweġiba tiegħi hi li hekk hemm bżonn,” qal Joseph Muscat li tkellem dwar il-bżonn li nippriservaw legat ta’ ġid ekonomiku u ġustizzja soċjali mingħajr preċedent.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend