31 liġi ġdida jgħaddu mill-Parlament fl-2019 – One News

Notifiki

31 liġi ġdida jgħaddu mill-Parlament fl-2019

Hekk kif il-Parlament aġġorna għall-btajjel tal-Milied u l-ewwel tas-sena, l-2019 rat id-dħul ta’ wieħed u tletin liġi ġdida. Dan f’sena oħra b’ħidma ma taqta’ xejn mill-Parlament.

Il-liġijiet approvati matul din is-sena emendaw dawk eżistenti jew introduċew kunċetti ġodda fil-qafas legali ta’ pajjiżna, iżda li jagħtu l-ħajja lill-impenn u l-wegħdiet li għamel il-Gvern fl-aħħar elezzjoni.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern Byron Camilleri, spjega li fost il-liġijiet ġodda fjamanti kien hemm dik tal-kremazzjoni li ddaħħlet minn abbozz ta’ liġi privat li kienet ressqet id-deputat Laburista Rosianne Cutajar.

Semma wkoll il-liġi tant importanti li mill-bidu tas-sena d-dieħla se tirriforma s-suq tal-kera.

“Matul is-sena 2019 il-Parlament approva 31 liġi. Kien hemm ħafna liġijiet importanti għal pajjiż fost l-oħrajn hemm il-liġi tal-kremazzjoni li kienet liġi li permezz ta’ mozzjoni privata għall-ewwel darba issa ser ikollna kremazzjoni li tkun tista’ sseħħ ġewwa pajjiżna. Kienet il-liġi tal-kera, li kienet liġi importanti ħafna li ħa tagħti sigurtà u protezzjoni lil dawk li qegħdin jikru u li jifilħu l-inqas u li tagħtihom protezzjoni fil-kirja tagħhom.” Stqarr Camilleri.

Il-Gvern permezz tar-rappreżentanti tiegħu daħħal ukoll l-ewwel liġi dwar standards fil-ħajja pubblika. Miżura intiża għal iktar kontabilità mill-politiċi.

“Beda’ jopera l-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika li minkejja li konna nafu li l-maġġoranza tal-ilmenti se jkunu kontra membri tal-Gvern, kontra uffiċjali tal-gvern pero ħassejna li għandna ndaħħlu dik il-liġi sabiex ikollna standards aħjar fil-ħajja pubblika.” Kompla jgħid il-Whip tal-Gvern.

Mistoqsi dwar il-ħidma li jmiss anka fid-dawl tal-fatt li mill-ewwel seduta tas-sena l-ġdida se tara persuna ġdida fil-kariga ta’ Prim Ministru, il-whip tal-Gvern spjega li l-ħidma se żżomm dejjem liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-politika li titwettaq.

“Minkejja dak kollu li jrid ħaddieħor u dak kollu li jagħmel ħaddieħor aħna ser inkomplu naħdmu għal pajjiżna. Ser inkomplu nuru impenn qawwi sabiex ngħaddu iktar abbozzi sabiex inbiddlu għall-aħjar il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.” Ikkonkluda Camilleri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend